Monday, March 9, 2026

“Meta nagħtu s-setgħa lin-nisa, insaħħu l-komunitajiet tagħna”

- is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jittella’ f’pajjiżna r-raba’ Forum Internazzjonali tan-Nisa bħala parti mill-inizjattiva Islas del Mar

Fil-Belt Valletta, ilbieraħ, ittella’ r-raba’ Forum Internazzjonali tan-Nisa bħala parti mill-inizjattiva internazzjonali Islas del Mar. Dan il-forum, li sar fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, laqqa’ flimkien mexxejja nisa, professjonisti u rappreżentanti istituzzjonali minn diversi gżejjer Ewropej biex jiddiskutu sfidi komuni u soluzzjonijiet prattiċi – mill-iżvilupp sostenibbli sal-koeżjoni soċjali u l-koperazzjoni bejn il-gżejjer. 

F’indirizz li għamel waqt il-ftuħ ta’ dan il-forum, is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay iddikjara li meta nagħtu s-setgħa lin-nisa, inkunu qed insaħħu l-komunitajiet tagħna. Huwa stqarr li meta beda jokkupa l-kariga ta’ Sindku, lill-kunsillieri nisa fi ħdan il-kunsill fdalhom portafolli differenti li jinkludu l-UNESCO, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, in-nisa fil-komunità, l-isport u l-benesseri tat-tfal tagħna.

“Meta n-nisa jmexxu fil-politika, fin-negozju, fil-kultura u fis-soċjetà ċivili, iġibu perspettivi li jsaħħu t-teħid tad-deċiżjonijiet u jġibu aktar bilanċ u komunitajiet aktar sostenibbli,” tenna McKay. 

Huwa kompla billi qal li l-Belt Valletta dejjem kienet post għall-ideat, kulturi u anke tmexxija. Qal ukoll li llum qegħdin ninġabru flimkien biex niċċelebraw u nirriflettu fuq ir-rwol tan-nisa fit-tfassil tal-komunitajiet tal-gżejjer.

“Din l-inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni tal-gżejjer, filwaqt li tagħti s-setgħa lin-nisa biex jieħdu rwoli ta’ tmexxija fis-soċjetà, fil-gvernijiet u anke fl-innovazzjoni,” tenna s-Sindku tal-Belt Valletta.

Huwa fakkar li l-gżejjer għandhom ir-realtajiet uniċi tagħhom u b’dan il-mod nistgħu nifhmu aħjar mhux biss l-isfidi imma wkoll l-opportunitajiet li hemm meta ngħixu f’komunitajiet iżgħar iżda li huma marbuta mill-qrib. 

“Huwa għalhekk li l-kollaborazzjoni bejn il-gżejjer hi importanti,” tenna McKay. “Meta naqsmu l-għarfien u l-esperjenzi tagħha, insaħħu r-reżiljenza tagħna u nibnu soċjetajiet aktar b’saħħithom.” 

Il-Minority Leader fil-Kunsill tal-Belt Valletta Ylenia Montfort qalet li tkun mara fil-politika, speċjalment f’età żgħira, mhux dejjem ikun “vjaġġ daqstant faċli”. Hi spjegat li l-involviment fil-politika jfisser responsabbiltà, li tiffoka fuq il-lokalità tiegħek u titkellem fejn ikun hemm bżonn li l-affarijiet jitjiebu filwaqt li taħdem ma’ ħaddieħor għall-ġid tal-komunità. 

Min-naħa tagħha, Anne Marie Muscat Fenech Adami, Ambaxxatur ta’ Malta għall-Bulgarija u rappreżentant tal-proġett Islas del Mar f’Malta, qalet li tkun mara fuq gżira jsawwarna b’modi uniċi. 

“Illum niċċelebraw lin-nisa li jgħixu u jmexxu fit-territorji tal-gżejjer. Nirrikonoxxu l-isfidi komuni tagħna imma aktar minn hekk, niċċelebraw is-saħħa kollettiva tagħna, it-tmexxija u l-kapaċità tagħna għall-innovazzjoni,” hija żiedet tgħid. 

Tkellmet ukoll Isabel Vera, Fundatriċi u President ta’ EURINSULA u fundatriċi tal-proġett Islas del Mar, qalet li l-politika tagħhom ma tappartjeni lill-ebda partit politiku iżda hi dik tal-poplu. Qalet li l-komunitajiet tal-gżejjer madwar l-Ewropa qed jitolbu għal rikonoxximent akbar fil-policies tal-Unjoni Ewropea. 

F’dan ir-rigward, hija semmiet li kienu ressqu white paper fil-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, Vera enfasizzat fuq l-importanza li għandhom is-Sindki fil-komunitajiet rispettivi, li jifhmu u jisimgħu l-problemi tar-residenti u jindirizzawhom. 

Hija temmet billi rringrazzjat lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta talli ospita dan il-forum u laqa’ dan il-proġett li kien jinkludi l-appoġġ ta’ msieħba internazzjonali u anke tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsill Lokali. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport