Tuesday, April 23, 2024

Meta se jieqaf it-tixrid tad-demm?

Aqra wkoll

Dħalna fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira, jiem li jilħqu l-qofol tagħhom nhar il-Ġimgħa u l-Ħadd li ġejjin, b’tifkiriet tal-Passjoni ta’ Ġesu Kristu u l-qawmien tiegħu mill-imwiet. Ġrajjiet li jieħduk il-Palestina, fejn seħħew. Fejn ironikament illum qegħdin jesperjenzaw passjoni mhux ta’ Bniedem wieħed imma ta’ poplu sħiħ. Huwa kalkulat li bħalissa madwar żewġ miljun ruħ qegħdin f’riskju enormi li jmutu bil-ġuħ u bil-għatx. Ma’ dan trid iżżid il-bombi, l-attakki mill-ajru u mill-art mill-qawwiet militari ta’ Iżrael. Ġenoċidju f’mixjietu.

Ġenoċidju li diġà ħalla eluf ta’ tfal mejtin. Eluf ta’ nisa. Eluf ta’ xjuħ u morda li kienu fi sptarijiet. Poplu sħiħ mhedded li se jkun sparixxut. In-nies saru qishom dubbien. Taħt skuża jew oħra, ġustifikata kemm hi ġustifikata r-reazzjoni Iżraeljana, huwa kundannabbli li laħqet il-proporzjon li laħqet. Daqs kemm il-paċi tnissel aktar paċi daqstant ieħor il-gwerer inisslu aktar gwerer. Aktar tixrid ta’ demm. Aktar atroċitajiet. Aktar imwiet ta’ nies innoċenti. Aktar tifrik. Aktar u aktar fejn m’hemmx bilanċ bejn il-Qawwiet Militari Iżraeljani u dawk Palestinjani. M’hemmx paragun.

Lanqas ma jfisser ġustifikazzjoni għal xi gwerra jew oħra sempliċiment għax n-naħat opposti jkunu bilanċjati fl-armamenti. Qatt ma nista’ nifhem kif Iżrael bi ġrajja bħal dik li l-Lhud esperjenzaw b’olakawst jasal biex jieħu l-istess rotta fil-konfront ta’ ġens ieħor. Tipprova tifhem kif il-bniedem jasal biex iwettaq atroċitajiet bħal dawk li qegħdin jesperjenzaw il-Palestinjani fil-Medda ta’ Gaża u ma jirnexxilekx. Tipprova tifhem kif daqs dawk imħuħ ma jirrealizzawx li isbaħ mill-paċi m’hemmx. Tipprova tifhem li minkejja kull supremazija li naħa jista’ jkollha fuq oħra xorta waħda m’intix tgawdi t-trankwillità. Xorta waħda għaddej minn tensjoni. Xorta waħda tħares warajk għax maħkum minn tensjoni u nuqqas ta’ serħan il-moħħ li m’intix espost għal xi periklu jew ieħor.

Tipprova tifhem b’liema dritt tippretendi li tieħu art ħaddieħor biex niesek jagħmluha tagħhom. U malajr tifhem li din tkun l-aħjar skuża biex tuża l-forza u tieħu dak li mhux tiegħek. Li titfa’ poplu jgħix taħt it-tined wara li tkun xkupajtu minn fuq artu biex hemmhekk jinbena għal niesek. U mbagħad waħda taqla’ lill-oħra. Kull azzjoni ġġib reazzjoni. Sproporzjonata jew le. Imma li tissarraf f’tixrid ta’ demm. F’imwiet ta’ nies innoċenti.

Qegħdin nesperjenzaw dan kollu fil-Medda ta’ Gaża u fil-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukranja. U la darba dawn il-konflitti jtulu fiż-żmien bħal donnu għajnejn id-dinja ma jibqgħux ffukati fuqhom. Ma jibqgħux jiddominaw l-aħbarijiet. Isiru parti mir-rutina. U la darba jintilef dan it-tip ta’ iffukar allura min ikun l-aktar b’saħħtu jibqa’ għaddej bil-ħerba li jkun qed jagħmel. Jibqa’ jxerred demm nies innoċenti. Jibqa’ jhedded futur ta’ poplu sħiħ bil-qtil tat-tfal tiegħu.

Imma l-aqwa li min jinvesti fl-armamenti għandu suq għall-produzzjoni tiegħu. Għandu suq garantit taħt xi forma jew oħra. Anke dan jibbenefika min-nuqqas ta’ iffukar, min-nuqqas ta’ importanza lil ġrajjiet imdemmija bħal dawk li qegħdin jesperjenzaw il-Palestinjani, l-Ukreni u r-Russi.

Meta se jieqaf it-tixrid tad-demm? Kemm huwa għaqli li bħala poplu Malti u Għawdxi ma nkunu bl-ebda mod parteċipi fi ġrajjiet bħal dawn. Kemm huwa għaqli li nagħtu l-ogħla kontribut umanitarju possibbli lill-milqut u ebda kontribut biex ikompli jseħħ dak li qiegħed iseħħ. Kemm ikun għaqli li ma nħallux lil min jaljenana minn ġrajjiet koroh bħal dawn.
[email protected]

Il-finanzi tal-PN
Ma nafx jekk f’dawn il-ġranet segwejtx xi ftit il-problema li għandu l-Partit Nazzjonalista mal-Kummissjoni Elettorali dwar il-finanzi tiegħu. Mingħajr ma wieħed għandu għalfejn jidħol fil-mertu dwar is-sitwazzjoni finanzjarja xejn sabiħa li jinsab fiha l-PN u x’attwalment wassal għaliha, li hu żgur hu li l-PN qed jonqos mill-obbligu tiegħu lejn il-Kummissjoni Elettorali.

Mhux faċli għall-PN li jipprova jniżżel minn griżmejn in-nies li, kif almenu qal Bernard Grech, l-awdituri mhux dejjem faċli ssibhom. Ovvjament stqarrija bħal din tkompli tqajjem aktar mistoqsijiet.

Mhux faċli ssib awdituri għaliex? X’ġara mill-aħħar awdituri li qabbad il-PN biex jaħdmulu? Għadhom fost dawk li ma tħallsux għal ħidmiethom u ma jridux jieħdu sogru ieħor? Ma naħsibx li kumpaniji ta’ awdituri f’pajjiżna huma xi rarità? Jista’ jkun li t-tmexxija tal-PN qed tiddejjaq minn dak li jista’ jirriżulta lill-awdituri waqt ħidmiethom? Jista’ jkun li t-tmexxija tal-PN, li ċertament li hija konxja mis-sitwazzjoni finanzarja tal-partit, mhux qed tħossha komda li l-membri tagħhom kif ukoll il-pajjiż, isiru jafu xi verità li għal raġuni jew oħra qed tinżamm lura?

Il-Partit Nazzjonalista qed jgħix ħajja kontrastanti għall-aħħar. It-tmexxija u l-esponenti ewlenin tiegħu l-ħin kollu jtambru fuq trasparenza u governanza tajba. Anzi, biex inkun eżatt, il-ħin kollu jtambru fuq nuqqas ta’ trasparenza u nuqqas ta’ governanza tajba min-naħa tal-Gvern. U allura, nistaqsi jien, ma jkunx aħjar għall-Partit Nazzjonalista li jagħti eżempju, li jkun trasparenti hu, li jeżerċita governanza tajba hu, u jobdi l-liġijiet tal-pajjiż?

Nistennew u naraw.

Sport