Monday, May 13, 2024

Nitfgħu ħarsitna fuq il-pjaga soċjali tal-użura

Fl-għaxar sena tal-Fondazzjoni u fix-xahar li huwa ddedikat għar- responsabbiltà waqt il-logħob tal-azzard, inħarsu lejn waħda mill-agħar riperkussjonijiet li ġġor magħha attività mhux ikkontrollata

Aqra wkoll

Minn Kayne Said, Maniġer għal Komunikazzjoni – Fondazzjoni Logħob Responsabbli – [email protected]

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar attendejt għal intervista televiżiva fuq programm popolari fuq ix-xandir tal-istat, fejn il-preżentattriċi qratli messaġġ partikolari ta’ persuna li tilfet kemm l-intrapriża u kif ukoll ir-relazzjoni ta’ mħabba li kienet għad­dejja minnha minħabba l-logħob tal-azzard eċċessiv.

Għal bidu bdiet tissellef mingħand membri tal-familja, imbagħad mingħand persuni barranin, fejn sfortunatament sfat vittma tal-użura u qed issibbha ferm diffiċli biex tħallas dak dovut lil dawn il-persuni!

Hawnhekk nixtieq nagħmilha ċara li l-użura hija pjaga soċjali fejn persuni jiġu mkissrin b’self b’rati ta’ interessi li jmur oltrè minn dak li huwa obbligat bil-liġi. Biex inkun ċar nisimgħu b’każijiet fejn persuni jisselfu b’rati ta’ interessi ta’ madwar 30%, meta l-liġi tirrekjedi rati ta’ madwar 8%. L-użura hija pjaga li ġeneralment tħoll u torbot mal-vizzju tal-logħob tal-azzard.

Mill-informazzjoni li nirċievu mill-klijenti tagħna, ikun hemm każijiet fejn l-użura saħansitra tiġi maħluqa mill-ivvizjat stess fejn jisselfu l-flus bil-wegħda li jirdoppjaw l-ammont lill-persuna li tkun se sselfilhom il-flus f’perjodu maqbul. “Sellifni €1,000 u nagħtik lura €2,000 fi żmien sitt xhur”.

Sfortunatament ikun hemm ukoll każijiet fejn l-ivvizjat jissellef minn Persuna A biex iħallas lil Persuna B u nibqgħu sejrin hekk!

Ma rridux ninsew li persuna li tkun trid tagħti flus dovuti tgħix kontinwament f’biża’ u normalment theddid. Hawnhekk nixtieq nippreċiża li l-ivvizjat, barra li jkun għaddej minn problemi finanzjarji, jgħaddi wkoll minn problemi soċjali (problemi fil-familja, problemi fuq ix-xogħol, problemi ta’ vjolenza domestika), problemi emozzjonali u psikoloġiċi (nuqqas ta’ attenzjoni, stress u ansjetà) u problemi ta’ saħħa mentali (bħal dipressjoni akuta, ħsibijiet ta’ suwiċidju).

Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-Caritas talli jikkordinaw magħna meta jkun hemm bżonn tal-assistenza taċ-Ċentru ta’ Servizzi ta’ Użura tagħhom. F’każi estremi ta’ rapporti ta’ vjolenza jew ankè saħansitra ħsibijiet ta’ suwiċidju, il-Fondazzjoni tikkuntattja direttament lill-Pulizija.

Minn hawn ninkoraġġixxi lil kull min qed jaqra’ dan l-artiklu u jħoss li għaddej minn problemi relatati mal-attività biex jagħmel kuraġġ u jammetti li għaddej minn sitwazzjoni, jitkellem ma’ ta’ madwaru u juri x-xewqa li jirċievi s-sapport.

Kulħadd uman u kulħadd jiżbalja. L-importanti li nkunu kapaċi li nimxu lejn id-dawl fl-aħħar tal-mina mudlam

www.rgf.org.mt

Sport