Tuesday, October 1, 2024

L-Ispanjol Carlos Sainz jirbaħ il-Grand Prix tal-Awstralja

Aqra wkoll

Is-sewwieq tal-Formula Wieħed, l-Ispanjol Carlos Sainz rebaħ il-Grand Prix li sar fiċ-ċirkwit ta’ Albert Park, f’Melboure, ġimgħat biss wara li kien iddaħħa l-isptar biex issirlu l-operazzjoni tal-appendicite.

Fil-veritá, din it-tiġrija kienet trijonf għall-Ferrari hekk kif fit-tieni post daħal is-sewwieq minn Monaco, Charles Leclerc … quddiem il-Britanniku Lando Norris (McLa­ren) li kiseb it-tielet post wara taqtiegħa ħarxa kontra Oscar Piastri.

Din ir-rebħa kienet tfisser ukoll li l-Ferrari waqqfu d-dominanza tal-Olandiż, Max Verstappen (Red Bull) li rebaħ 16 mill-aħħar 17-il tiġrija li jinkludu wkoll l-ewwel żewġ tiġrijiet ta’ dan l-istaġun.

Sainz mill-ewwel wera l-intenzjonijiet tiegħu hekk kif fit-tieni dawra attakka lil Verstappen li beda mill-ewwel pożizzjoni li eventwalment kellu jirtira minħabba problema fis-sistema tal-brejkijiet.

Is-sewwieq Olandiż informa lit-team tiegħu li kellu problemi f’din is-sistema qabel ma beda ħiereġ id-duħħan minn wara tal-magna biex eventwalment kellu jirtira mit-tiġrija fir-raba’ dawra.

L-Ispanjol imbagħad ikkontrolla t-tiġrija hekk kif Leclerc qabeż lil Lando Norris tal-McLaren fl-ewwel perjodu tal-pit-stop.

Eventwalment, it-tiġrija spiċċat taħt safety car virtwali wara ħabta għal George Russell.

Waqt li kien qed jiġru wara l-Aston Martin ta’ Fernando Alonso għas-sitt post, is-sewwieq tal-Mercedes tilef il-kontroll f’Durn Six fl-aħħar dawra u sofra ħabta iżda fortunatament Russell ma sofra l-ebda injuries.

Alonso u Russell issejħu għand l-iste­wards wara t-tiġrija fost suġġerimenti li l-Ispanjol kien ibbrejkja darbtejn qabel ma dar u fl-istess waqt għafas il-gass biex ma setax jikkontrolla l-karozza.

It-team tal-Mercedes kellu esperjenza mill-aktar diffiċli hekk kif il-Britanniku, Lewis Hamilton kellu jirtira wara s-16-il dawra minħabba ħsara fil-magna.

Norris għeleb lill-kollega tiegħu,  lill-Awstraljan, Oscar Piastri, għat-tielet post b’dan tal-aħħar jispiċċa quddiem il-Messikan Sergio Perez (Red Bull).

Il-klassifika ġenerali wara t-tielet tiġrija hija: 51- Max Verstappen; 47 – Charles Lec­lerc; 46 – Sergio Perez; 40 – Carlos Sainz; 28 – Oscar Piastri; 27 – Lando Norris; 20 – Fernando Alonso; 18 – George Russell; 8 – Lewis Hamilton; 7 – Lance Stroll; 6 – Olivier Bearman; 4 – Yuki Tsunoda; 3 – Nico Hulkenberg’ – Kevin Magnussen.

Il-klassifika tal-kostrutturi: 97 – Red Bull; 93 – Ferrari; 55 – McLaren; 27 – Aston Martin; 26 – Mercedes; 4 – Honda, Haas.

Sport