Saturday, May 18, 2024

Neuro-gym ġdid f’Dar Bjorn appoġġjat mill-Gvern, jassisti persuni b’diżabilitajiet newroloġiċi

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes żar neuro-gym f’Dar Bjorn f’Ħaż-Żebbuġ, inizjattiva li saret possibbli permezz ta’ investiment ta’ €60,000 mill-Awtorità tad-Djar (HA), u enfasizza l-impenn tal-Gvern biex ikomplu jitjiebu s-sistemi u l-faċilitajiet li joffru għajnuna soċjali u ta’ saħħa.

Din il-faċilità tipprovdi appoġġ speċjalizzat lil individwi li jbatu minn diżabilitajiet newroloġiċi u toffrilhom triq lejn saħħa u kwalità ta’ ħajja aktar dinjituża.

Il-gym huwa mgħammar bl-aqwa tagħmir ta’ fiżjoterapija u jipprovdi riabilitazzjoni u servizzi msaħħa bl-assistenza esperta ta’ fiżjoterapisti ċertifikati u jakkomoda 43 klijent.

Waqt iż-żjara, il-Ministru Galdes ra b’mod dirett l-impatt trasformattiv ta’ servizzi ta’ riabilitazzjoni bħal dawn u li toffri Dar Bjorn.

Filwaqt li enfasizza s-sinifikat tal-inizjattiva, il-Ministru rrimarka, “li nagħtu appoġġ fil-housing huwa pass fundamentali, iżda huwa biss aspett mill-ħidma komprensiva tagħna biex ngħinu lil dawk fil-bżonn. L-inizjattivi tagħna bħala Gvern fil-qasam soċjali jestendu lil hinn mill-housing soċjali u l-iskemi; jinkludu firxa ta’ inizjattivi ta’ appoġġ u assistenza maħsuba biex jassistu lil kull individwu fis-soċjetà tagħna. L-appoġġ tagħna għal dan iċ-ċentru newro-rijabilitattiv, inizjattiva ta’ min ifaħħarha minn Djar Bjorn, huwa eżempju wieħed. Proġett li jinkorpora l-qalb soċjalista tal-Gvern tagħna, waħda li tħabbat b’kompassjoni u determinazzjoni biex tiżgura li kull persuna tirċievi l-appoġġ li jixirqilha. Flimkien qed nibnu komunità iktar inklussiva, li tieħu ħsieb u ssostni lil min hu fil-bżonn.”

Il-Ministru, filwaqt li faħħar u rringrazzja lil Dar Bjorn għal din l-inizjattiva u għad-dedikazzjoni tagħhom biex itejbu l-ħajja ta’ individwi b’diżabilità newroloġika u l-familji tagħhom, żied li l-Gvern huwa kommess li jkompli jassisti u jsaħħaħ is-servizzi u s-sistemi ta’ għajnuna soċjali f’pajjiżna.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa, saħaq li din id-donazzjoni ssaħħaħ il-viżjoni tal-Awtorità tad-Djar lejn Housing Speċjalizzat fil-qalba tal-komunità li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja lir-residenti ta’ Dar Bjorn u jtihom sostenn u stabbiltà fil-ġlieda tagħhom kontra l-ALS.

Preżenti għaż-żjara kien hemm is-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila u s-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ Mark Camilleri.

Sport