Wednesday, April 24, 2024

META SE TIĠI TRATTATA BIS-SERJETÀ l-PJAGA TAL-OBEŻITÀ F’PAJJIŻNA?

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar jiem l-Organizazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) ħarġet rapport li fih pajjiżna flimkien mat-Turkija u l-Gran Brittanja tpoġġew ma’ dawk li għandhom problema kbira ta’ obeżità. Dan minħabba li dawn il-pajjiżi għandhom l-ogħla rati ta’ nies bi problema ta’ piż. 

Din mhix xi ħaġa li smajniha għall-ewwel darba. Din hi materja li ilna nisimgħu snin fuqha. Ilna snin nisimgħu bil-problema. Ilna snin nisimgħu li se ssir xi ħaġa dwarha. Li se tkun trattata. Ilni snin nagħmlu konferenzi, seminars, kampanji u aktar. Ir-riżultat hu dak li hu u jista’ jarah kulħadd.

Il-problema ta’ nies b’piż żejjed hi problema li bħala nazzjon taffettwana sew u qed ukoll taffettwa li uliedna. Hu minnu li sirna aktar konxji ta’ saħħitna. Li nżommu l-piż kemm jista’ jkun ma’ dak li suppost.  Minkejja l-kuxjenza, l-istil ta’ ħajja tagħna u affarijiet oħra jagħmluha diffiċli.

M’hemm ebda dubju li din hi statistika maħruaġ mill-WHO  għal darba oħra għandha tħassibna.  Tħassibna aktar għax minkejja li ilna nafu li għandna din il-problema, jidher li ftit li xejn jinexxielna negħlbuha.

Dan iwassal għal ħafna mistoqsijiet.  Mistoqsijiet li mhux faċli li jiġu mweġbin. Fuq kollox jidher li l-problema tal-obeżità f’pajjiżna għandha għeruq fondi.  Nemmnu ukoll li għandha rabta sew mal-ħajja mgħaġġa li qegħdin jgħixu fiha l-familji, fejn illum minħabba nuqqas ta’ ċans mill-ġenituri biex isajru l-ikel jew jippreparaw l-ikel lil uliedhom, hi aktar faċli li jtuhom xi ħaġa tal-flus u jmorru jixruh lest. Iċ-ċans hu li dak li jmorru jixtru, mhux se jkun ikel san.

Nemmnu ukoll li f’ħafna każi qed jiġri l-istess meta it-tfal u l-ġenituri jirritornaw id-dar. Saret prattika li llum dieħla dejjem aktar, li f’xi ġranet fosthom dawk lejn tmiem l-ġimgħa saret aktar konvenjenti li flok wieħed isajjar, imur jixri mit-’takeaway’ għax b’hekk jeħles qabel.

Dawn ix-xejriet huma konfermati mill-ammont kbir ta’ ħwienet tal-ikel li qed jiftuħ, b’xi wħud minnhom ukoll qrib l-iskejjel.

Nemmnu li minkejja kull kampanji li saru  minkejja iniżjattivi iżolati li ttieħdu, il-problema tal-obeżità mhux qed nkunu suċċess fiha. Jista’ jkun li m’għandniex pjan fit-tul? Jista’ jkun li ma jaqblilniex ikollna pjan fit-tul jew m’aħniex lesti nagħmlu pjan fit-tul, għax ir-riżultati neħduhom wara ammont ta’ snin. 

Fuq kollox, illum hu fatt magħruf, li minkejja kampanji li sar fl-iskejjel spiss nisimgħu bi ġranet li fihom it-tfal jiekol ikel mhux san bħal ‘hot dog day’, ‘burger day’ jew ‘ice cream day’.  Id-domanda hawn hi ċara:  xi spezzjonijiet isiru fl-iskejjel? Kienu ssemmew il-multi li jistgħu jeħlu l-iskejjel – kien hemm xi skola li weħlet dawn il-multi? Fuq kollox ma nistgħux nagħlqu għajnejna u nħallu  junk food jidħol fl-iskejjel bl-iskuża li dik hi attività ta’ fund raising.

Ma nistgħux ma nirrimarkawx fuq il-prezz tal-ikel b’mod partikolari tal-frott u l-ħaxix. Sfortunatament illum ħafna familji qed jaraw li l-frott u l-ħaxix għolew sew fil-prezz u għalhekk mil-lat finanzjarju jaqblilhom jixtru ‘take  away’ jew ikel ieħor għax joħorġu b’irħas u ma joqogħdux isarju.

Issa ma nistgħux nibqgħu ngħidu biss li tfal tagħna mhux jingħataw ikel tajjeb mid-dar. Ma nistgħux noqogħdu ngħidu li ħadna inizjattiva għax qed jitqassam frott u ħaxix fl-iskejjel, li l-mistoqsija dwaru hi kemm  hu l-persentaġġ ta’ tfal li qed jieklu dan il-frott u ħaxix. Qed ngħidu dan għax, fi kliem ħafna ġenituri, dan l-ikel isibuh fil-basktijiet meta uliedhom jirritornaw.

Nemmnu li l-esperti kollha f’dan il-qasam f’pajjiżna għandhom jaraw li jiltaqgħu madwar mejda. Jistudjaw u janalizzaw il-ħajja tal-familji Maltin u minn hemm ifasslu strateġija bis-serjetà ta’ kif se tiġi miġġielda l-obeżità.

Sport