Saturday, December 21, 2024

META TGĦID LE

Aqra wkoll

Ta’ min jerġa’ jfakkar li meta tgħid le, mhux dejjem qed tkun negattiv. Ħafna drabi, l-aħjar mod kif tkun pożittiv hu billi tgħid le. Meta l-iva li tgħid ikun imxettel fil-konformiżmu – fil-ħtieġa li taqbel ma’ x’jaqbel miegħu “kulħadd” – u l-maġġoranza l-kbira taħseb bl-istess mod, is-sogru jikber li kulħadd jinqabad passiġġier f’karru li jħaffef lejn id-diżastru. Dan jiġri peress li ħadd jew kważi ma jinduna meta d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu huma ħżiena għax imsejsa fuq premessi żbaljati.

Jekk min jgħid le, iressaq alternattivi għal kif l-affarijiet tista’ tqishom u twettaqhom, ikun qed jagħti servizz kbir lill-komunità. Idaħħal sens ta’ għażla. Irawwem attenzjoni aqwa lejn xi jkun qed jintqal tabilħaqq. Huma funzjonijiet tal-aqwa importanza f’soċjetà li trid tiżviluppa b’mod progressiv.

Bl-istess kejl, meta tgħid le, sempliċement biex tkun għedt le, u bla ebda proposta serja għal kif l-affarijiet jistgħu jsiru mod ieħor, allura hemm veru, li tgħid le u li tkun negattiv jiġu jfissru l-istess ħaġa.

VALUR

X’qed isir biex jiġi żgurat tabilħaqq li l-ispiża tal-gvern tintefaq tajjeb? 

Veru li l-uffiċċju tal-awditur nazzjonali qed jagħmel xogħol tajjeb biex jifli kif ikunu tmexxew proġetti u dipartimenti tal-gvern. Imma wisq ta’ spiss dan l-eżerċizzju qed jidher bħala magħmul fuq ħidma li ilha li saret u li dwarha ftit li xejn baqa’ rimedji għal fejn marret żmerċ. Minnu li minn hekk jistgħu joħorġu proposti għal bidliet organizzattivi li jtejbu l-andament. Imma rari jkollhom impatt qawwi. 

Li hemm bżonn hu ta’ awditjar maniġerjali għaddej waqt li proġett ikun qed jinħadem. Dan qed isir aktar kruċjali għax illum tista’ tgħid li l-proġetti kollha tal-gvern ikunu kkuntrattjati ma’ entijiet privati.

FL-UNIVERSITÀ

Ma tantx tagħmel differenza li l-Kunsill tal-Istudenti Universitarji ħareġ apoloġija talli waqqaf kull diskors favur u kontra l-abort fil-ġimgħa ta’ laqgħat imtellgħa fil-kampus għall-istudenti l-ġodda. L-agħar aspett tal-biċċa kien li d-deċiżjoni ttieħdet mhux mill-awtortiajiet tal-università, imma mir-rappreżentanti tal-istudenti.

Iddispjaċieni ninnota kif il-ħtieġa ta’ protezzjoni taċ-“ċittadini” permezz taċ-ċensura imposta minn fuq għadha parti mill-kuxjenza tal-pajjiż daqskemm meta jien kont student universitarju. Wara l-ftaħir dwar kemm sirna progressivi u moħħna miftuħ, mhux l-anqas bil-valuri “Ewropej”, hu xokkanti li għadu jeżisti oskurantiżmu tat-tip muri f’din l-affari.

Kważi sittin sena ilu, l-Professur Jeremy Boissevain kien staqsa f’artiklu: Għaliex il-Maltin jistaqsu daqshekk ftit mistoqsijiet? Għoxrin sena wara, kien qies li l-kundizzjonijiet qed jinbidlu biex jippermettu dibattitu miftuħ bejn iċ-ċittadini. Min jaf x’kien jgħid dwar dan l-aħħar episodju!

Ekonomija

Sport