Il-prosekuturi Taljani fetħu investigazzjoni ta’ qtil wara l-mewt ta’ omm u bintha adoloxxenti wara l-ikla ta’ qabel il-Milied is-sena l-oħra. Il-missier – l-eks sindku ta’ Pietracatella – ittieħed ukoll l-isptar, iżda aktar tard fieq u ntbagħat lura d-dar.
L-omm, Antonella Di Ielsi, ta’ 50 sena, u bintha Sara Di Vita, ta’ 15-il sena, mietu fl-isptar wara li mardu wara l-ikla ta’ nofsinhar fil-belt twelidhom ta’ Pietracatella, muniċipalità żgħira 260km fix-xlokk ta’ Ruma.
It-tobba inizjalment attribwew is-sintomi għal avvelenament mill-ikel, iżda l-evidenza l-ġdida waslet wara li testijiet tal-laboratorju żvelaw il-preżenza tal-velenu fatali, riċina, skont il-midja Taljana, anke jekk il-pulizija għad m’għandhiex suspettat.
Ingħad ukoill li għall-ewwel, it-tobba ddeċidew li l-infezzjoni setgħet oriġinat jew mill-ħut jew mill-faqqiegħ u r-rilaxxaw lill-omm u lil bintha wara li ġew eżaminati fl-isptar. Madankollu, is-sintomi tagħhom marru għall-agħar f’daqqa u t-tnejn reġgħu ddaħħlu l-isptar immedjatament.
Vincenzo Cuzzone, l-uffiċjal mediku responsabbli mit-taqsima tal-kura intensiva fl-isptar Cardarelli fil-qrib ta’ Campobasso, qal lill-midja Taljana li l-insuffiċjenza tal-fwied seħħet l-ewwel u kienet segwita minn insuffiċjenza rapida ta’ diversi organi oħra tal-ġisem.
Il-mewt ta’ Di Vita u Di Ielsi fil-bidu ġiet attribwita għal negliġenza medika u t-tobba involuti tqiegħdu taħt investigazzjoni għal qtil involontarju, skont rapport tal-midja Taljana wara li ppubblikaw ir-riżultati tat-testijiet imwettqa f’laboratorji fl-Italja u l-Iżvizzera.
Ir-riċina hija kimika tossika ħafna u velenuża li tinstab b’mod naturali fil-fażola tar-riġnu. L-inġestjoni ta’ kwantità żgħira tista’ tikkawża ħsara rapida fl-organi u twassal għall-mewt. Sal-lum m’hemm l-ebda kura magħruf għall-avvelenament bir-riċina.

