Tuesday, December 24, 2024

“Mexxejja fl-UE jħossuhom mhedda għax Meloni trid tibdel l-Ewropa”

Taljan li ilu jgħix Malta

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-Italja se tkun qiegħda tifforma gvern ġdid wara li fl-elezzjonijiet ġenerali ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet l-elettorat għażel b’maġġoranza lil Giorgia Meloni, il-mara li mistennija tagħmel differenza kbira fil-politika mhux biss dik lokali, iżda anke dik Ewropea. 

F’kontroversji dwar il-karattru, il-prinċipji u l-wegħdiet tagħha, il-patrijotta Meloni qiegħda tħasseb lil uħud mill-mexxejja Ewropej hekk kif filwaqt li ssostni politika favur in-NATO, din għad trid turi l-vera identità politika tagħha b’mod speċjali fejn tidħol l-Unjoni Ewropea. Minkejja dan it-tħassib fost mexxejja Ewropej, it-Taljani tawha l-fiduċja tagħhom għax jemmnu li hija proprju l-unika persuna li tista’ terġa’ tqajjem fuq saqajh lill-pajjiżhom għall-aħjar interessi u esklussivament, taċ-ċittadini tagħha.

“Konna nafu li se tirbaħ hija għax tajba. Dawk il-politiċi fl-Ewropa li qegħdin jitħassbu dwar l-ideali tagħha qegħdin iħossuhom mhedda għax hija trid tibdel l-Ewropa. Dejjem jikkmandaw huma (UE) u dejjem jissieħbu mal-Istati Uniti”. Hekk qal f’intervista ma’ talk.mt Taljan li jgħix Malta fejn sostna li għal dawn l-aħħar snin l-Italja kellha tbaxxi rasha u tagħmel dak kollu li jgħidulha inkella ma jaslux il-fondi mill-Unjoni Ewropea. Dan is-sitwazzjoni għalih, għal Meloni u għall-maġġoranza tat-Taljani, mhiex aktar vijabbli.

“Mhix se taċċetta li nagħmlu dak kollu li jgħidulna”

Skont dan it-Taljan, “l-Italja m’għandhiex bżonn dan kollu għax aħna forza mondjali. Nagħmlu kollox iżda l-politiċi ta’ qabel inxtraw u tlifna kollox, inkluż il-kredibbiltà. Issa Meloni mhiex x’se taċċetta li nagħmlu dak kollu li jgħidulna u allura ttimbrawha li mhiex ta’ ideali Ewropej”.

Għalih il-kap tal-partit “Brothers of Italy” hija persuna ta’ kredibbiltà b’personalità b’saħħitha li “trid tgħin liċ-ċittadini Taljani għax hija patrijotta. Hija Rumana proprja… Taljana vera”. Filwaqt li dan it-Taljan għandu fiduċja kbira li Meloni se jirnexxielha tibdel xi affarijiet, stqarr li ħames snin huma ftit wisq għall-bidliet li hemm bżonn f’pajjiżu imma żied jgħid li, “però, jien nemmen li jekk timxi tajjeb, tagħmel ħames snin oħra fit-tmun tal-pajjiż”. 

Fl-intervista ma’ dan il-ġurnal, it-Taljan li jgħix Malta spjegalna li bħalissa hemm ħafna xettiċiżmu dwar Giorgia Meloni, il-mara li mistennija tkun il-Prim Ministru Taljan, iżda stieden lil kulħadd biex nistennew sena għax fi żmien sena għandna naraw x’irnexxielha tagħmel. 

“Xi ħaġa żgur se jirnexxielha tibdel għax għandha ma’ ġenbha lil Berlusconi u lil Salvini li huma b’saħħithom u tal-esperjenza. Dan b’mod speċjali Berlusconi. Issa l-affarijiet se jinbidlu ftit. Salvini ma jridx ħafna immigranti u ċertu tibdil lill-Ewropej mhux se jinżlilhom. Se jibżgħu li issa l-Italja se tirritalja u li se jitilfu l-flus,” kompla dan it-Taljan. 

Huwa qal li ladarba jiġi ffurmat il-Gvern u l-Ministri kollha, minn hemm it-Taljan se jistennew deċiżjonijiet ġodda. Min-naħa tiegħu huwa esprima sodisfazzjoni li Meloni se terġa’ taħtar lil Salvini bħala Ministru tal-Intern li jikkontrolla, kif kien qabel, lill-pulizija u lill-immigranti. “Hekk ma jkollniex wisq klandestini fil-pajjiż li jagħmlu li jridu biex tlett ijiem wara l-awtoritajiet jeħislhom a detriment taċ-ċittadini. Ma jistax ikun li nkomplu hekk u għalhekk hemm bżonn il-bidla. Ninsabu f’sitwazzjoni fejn il-maġistrati fl-Italja għandhom poter akbar mill-politiċi. Din hija perikoluża u inaċċettabbli,” temm it-Taljan.

Ekonomija

Sport