Sunday, November 3, 2024

Mexxejja u dinjitarji jsellmu l-memorja tar-Reġina Eliżabetta II

Aqra wkoll

Matul l-aħħar sigħat kapi­jiet dinjin u dinjitarji komplew ifakkru u jagħtu ġieħ lir-Reġina Eliżabetta II li mietet nhar il-Ħamis li għadda fl-età ta’ 96 sena. 

Il-mexxejja dinjin onoraw is-sens ta’ impenn b’saħħtu u r-reżiljenza li kellha r-Reġina kif ukoll is-sens umoristiku u l-qalb tajba tagħha. 

Il-President Franċiż Emmanuel Macron kien fost tal-ewwel li esprima l-istima tiegħu għar-Reġina fejn fakkarha bħala “Reġina ta’ qalb tajba u ħabiba ta’ Franza.”

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden – li kien iltaqa’ mar Reġina l-ewwel darba 40 sena ilu – iddeskrivieha bħala “iktar minn monarka – hi ddefiniet era”. Biden semma wkoll iż-żjara li hu għamel fir-Renju Unit fl-2021 bħala President tal-Istati Uniti fejn qal li dakinhar ir-Reġina, “onoratna bl-intellett, bil-qalb tajba u anke bil-ġenerożità li biha qasmet l-għerf tagħha magħna.” Biden tenna li r-Reġina Eliżabetta II saħħet l-alleanza bejn ir-Renju Unit u l-Istati Uniti tant li għamlet din ir-relazzjoni waħda speċjali. 

Il-President Ċiniż Xi Jinping offra “simpatija sinċiera lill-gvern u l-poplu Britanniku” filwaqt li tenna li l-mewt tagħha hija telfa kbira għall-poplu Britanniku. 

Il-Prim Ministru tal-Kanada Justin Trudeau – li kien ilu jaf lir-Reġina għal deċennji sħaħ hekk kif kien iltaqa’ magħha l-ewwel darba meta kien għadu tifel fi żmien meta missieru kien Prim Ministru – qal li r-Reġina kellha mħabba kbira lejn il-poplu Kanadiż. Ta’ min jgħid li r-Reġina kienet il-kap tal-istat tal-Kanada u fir-renju tagħha servew 12-il Prim Ministru. Trudeau żied jgħid li f’dinja kkumplikata r-Reġina kienet ta’ kenn għal ħafna. Il-mexxej Kanadiż, li deher kommoss ħafna, qal li hija kienet waħda mill-iktar persuni għal qalbu u se jħoss ħafna n-nuqqas tagħha. 

Il-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li r-Reġina kellha kapaċità li toħloq konnessjoni ma’ kull ġenerazzjoni, filwaqt li żomm mal-għeruq tradizzjonali li kienu jfissru ħafna għaliha. Von der Leyen qalet li dawn il-kwalitajiet juru l-kapaċitajiet tagħ­ha bħala mexxej. 

Il-Kanċillier tal-Ġermanja Olaf Scholz fakkar lir-Reġina “għall-umoriżmu sabiħ” tagħha filwaqt li qal li, “l-impenn qawwi tagħha għar-rikonċiljazzjoni bejn il-Ġermanja u l-Ingilterra wara l-avvenimenti orribbli tat-Tieni Gwerra Dinjija qatt mhuma se jintesew.”

Sport