Tuesday, April 30, 2024

MFA: Il-każ ta’ Devis Mangia se jitressaq quddiem is-Safeguarding Board li se jiddeċiedi dwar il-futur tiegħu

Aqra wkoll

Il-Bord Eżekuttiv tal-Malta Football Association ltaqa’ b’urġenza nhar l-Erbgħa wara nofs in-nhar biex jiddiskuti l-każ tal-Head Coach tat-timijiet nazzjonali, Devis Mangia, il-coach tat-timijiet nazzjonali li tneħħa temporanjament minn dmirijietu fid-dawl tal-allegazzjonijiet ta’ mġieba ħażina liema lment ġie rrappurtat minn player tat-team nazzjonali.

Il-President tal-Malta FA, Bjorn Vassallo, ta rendikont ta’ kif seħħew l-avvenimenti li wasslu lill-Assoċjazzjoni biex tissospendi b’mod temporanju lil Mangia wara li l-player irrapporta l-kwistjoni lill-uffiċjali tal-Malta FA. 

Il-President tal-Malta FA, spjega l-azzjoni li ttieħdet mill-Assoċjazzjoni wara li tkellmet mal-player in kwistjoni li ġie offrut kull appoġġ min-naħa tal-istess assoċjazzjoni.

Il-membri tal-Bord Eżekuttiv ġew infurmati dwar in-natura ta’ kondotta ħażina li allegatament irriżultat minn konversazzjoni mhux xierqa.

Investigazzjonijiet qabel u waqt l-ingaġġ tal-impjieg

Waqt il-laqgħa tal-Bord Eżekuttiv ġew spjegati f’ordni kronoloġika l-investigazzjonijiet li saru mill-Assoċjazzjoni qabel ingaġġat is-servizzi ta’ Mangia bħala Head Coach tat-timijiet nazzjonali.

F’dak il-perjodu, l-uniku każ li kien jikkonċerna lil Mangia kienet rapport mingħajr l-ebda bażi fil-midja fl-Italja li jmur lura għall-2016. Il-Malta FA żgurat li, fl-ebda ħin, ma kien hemm xi proċeduri dixxiplinari, kriminali jew ta’ xi natura oħra kontra Mangia fi kwalunkwe livell qabel il-ħatra tiegħu bħala Head Coach tat-timijiet nazzjonali, f’Diċembru 2019. Ġie kkonfermat ukoll li l-liċenzja tiegħu ta’ coach kienet dejjem rikonoxxuta u mġedda rispettivament.

Bħala parti mill-protokoll tal-Assoċjazzjoni, ‘Know Your Client’,  li ġie introdott fl-2017, il-monitoraġġ għadu fis-seħħ u dan japplika għall-istaff kollu tal-coaching. Barra minn hekk, kull sena l-Assoċjazzjoni tippreżenta rikors lill-Qorti tal-Ġurisdizzjoni Volontarja skond il-Kapitlu 518 tal-Liġijiet ta’ Malta (Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Reġistrazzjoni).

Il-President tal-Malta FA Bjorn Vassallo qal: “Huwa importanti ħafna li nispjegaw l-investigazzjoniiet li saru mill-Assoċjazzjoni qabel il-ħatra ta’ Mangia. Dan ir-rapport dettaljat juri li, kuntrarjament għall-ispekulazzjonijiet, il-Malta FA ħadmet bir-reqqa fl-isforzi tagħha biex tevalwa l-passat tal-coach abbażi ta’ informazzjoni uffiċjali mogħtija minn entitajiet kredibbli aktar milli sserraħ fuq l-spekulazzjonijiet.

“Il-punt fundamentali huwa li għandna l-obbligu li nispjegaw kollox b’mod trasparenti u miftuħ. Se nkunu qed nagħmlu dak kollu possibbli  biex nipproteġu l-identità u l-integrità tal-players konċernati.”

Proċeduri fis-seħħ

Il-Bord Eżekuttiv irratifika d-deċiżjoni li Mangia jiġi sospiż b’mod temporanju hekk kif bdew il-proċeduri interni.

Il-kwistjoni ġiet riferuta lis-Safeguarding Officer tal-Assoċjazzjoni biex jinvestiga l-allegazzjonijiet li saru, jiġbor l-informazzjoni u jibni rapport dwar il-każ.

L-inkjesta se tibda b’mod immedjat u r-rapport se jiġi sottomess lis-Safeguarding Board skond l-skeda taż-żmien stabbilit mill-Bord Eżekuttiv. Is-Safeguarding Board, immexxi miċ-Chairman, Andrew Azzopardi, huwa responsabbli biex jieħu deċiżjonijiet relatati mal-investigazzjonijiet.

Il-President Bjorn Vassallo informa lill-Bord Eżekuttiv li l-Assoċjazzjoni se tkun qed iżżomm lill-UEFA aġġornata dwar il-passi li jkunu qed jittieħdu.

Il-Bord Eżekuttiv qabel li tittieħed kull azzjoni possibbli biex isiru magħrufa l-fatti ta’ dan il-każ u wera l-fiduċja sħiħa tiegħu fl-istrutturi u l-proċedimenti tal-Assoċjazzjoni.

Għal dan il-għan, l-Assoċjazzjoni hija dejjem miftuħa għal kull forma ta’ rapporti ta’ din in-natura li jiġu ttrattati b’serjetà kbira.

Sport