Ix-xahar ta’ Awwissu kien wieħed impenjattiv ħafna għad-Dipartiment tal-Edukazzjoni tal-Coaches tal-Malta FA b’kors ieħor li ġie organizzat fl-aħħar jiem.
F’dan l-ewwel Female Grassroots Leaders Course qed jieħdu sehem 24 parteċipant fuq medda ta’ tlett ijiem – bejn l-24 u s-26 ta’ Awwissu.
Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni tal-Coaches tal-Malta FA flimkien mad-Dipartiment tal-Football tan-Nisa ħassew il-bżonn li jorganizzaw kors speċifiku għan-nisa. L-għan hua li jkun hemm aktar coaches nisa liċenzjati f’Malta.
Dan il-kors huwa l-ewwel pass fil- Coach Education Pathway tal-MFA u huwa introduzzjoni bażika għall-coaching tal-football taż-żgħażagħ immirat għal persuni li bħalissa qed jikkowċjaw team tal-grasroots jew qed ifittxu li jidħlu fil-coaching.
Hija mfassla biex tgħin lill-coach joħloq ambjent tal-football sigur, divertenti u pożittiv waqt is-sessjonijiet tal-football mal-gruppi ta’ etajiet iżgħar (bejn 5 u 9 snin).
Is-sessjonijiet kienu jinkludu sessjonijiet ġeneriċi bħat-tagħlim tal-football permezz ta’ logħob u ‘FUNdamentals in Youth Football’, u oħrajn speċifiċi mmirati fil-coaching tal-football tan-nisa.
Dan il-kors anke jaħdem favur is-salvagwardja tat-tfal b’sessjoni speċifika dwar dan is-suġġett.
Fost il-letturi ta’ dan il-kors għan-nisa kienu jinkludu lil Andrea Vella, Ivan Woods, Herman Bugeja, Charles Sciberras, Jareth Grima, Vince Galea, u Emerson Farrugia flimkien mad-Direttur tal-Football tan-Nisa Pierre Brincat.