Tuesday, December 24, 2024

M’għamlux il-kard u użaw ta’ qraba tagħhom … jekk tinqabad tista’ teħel multa

Aqra wkoll

Proprju lbieraħ ir-rotot ta’ matul il-ġurnata tas-servizz pubbliku saru bla ħlas u kull min għandu Tal-Linja Kard jista’ jivvjaġġa bla ma jħallas. Bi preparazzjoni għal dan fl-aħħar jiem kienu diversi dawk li applikaw għal Tal-Linja Kard biex ikunu jistgħu jgawdu minn trasport pubbliku bla ħlas. 

Talk.mt ilbieraħ segwiet l-andament ta’ dan fejn jidher li s-sitwazzjoni kienet waħda kalma għal aħħar u ma kienx hemm xi kjuwijiet kbar.  “Stennejt li se nsib xi kju għal tal-Linja imma bħas-soltu hawn”, qalilna anzjan li kien fi triqtu lejn il-Belt.  Ovvjament wieħed irid jagħti ċans aktar żmien sakemm wieħed jara eżattament kif irrisponda l-pubbliku għal din il-miżura. Li hu ċar hu li minkejja din il-miżura xorta waħda għad hemm bżonn bidla fil-mentalità tal-Maltin biex aktar jibdew jużaw is-servizz tal-karozzi tal-linja.

“Jien kont ħallast €15 għal card … hawn min qed juża tal-qraba tiegħu u ffrankahom”

Passiġġiera li tkellmet magħna qaltilna li “jien din il-miżura naraha tajba. Qabel kont inħallas 75c għal kull vjaġġ, li tfisser li biex niġi kuljum il-belt u nirritorna lejn id-dar, kont inħallas €1.50.  Jien il-kard għamiltha ftit xhur ilu u kont ħallast għalihom €15. Illum rajt persuni u naf għax smajthom jitkellmu li użaw kard li mhix tagħhom imma tal-qraba tagħhom. Naħseb li dan mhux ġust. Hemm servizz li hu bla ħlas imma jekk hemm proċedura li għandek tuża kard personali tiegħek, din għandha tinżamm. Naħseb li għandu jkun hemm spezzjonijiet dwar dan u multi”.

Sorsi qrib ix-xufiera li tkellmu ma’ talk.mt qalulna li min jivvjaġġa b’kard li ma tkunx tiegħu imma ta’ xi qarib tiegħu jew ta’ xi ħadd ieħor, ikun qed jikser il-liġi. Kien hawn spezzjonijiet dwar dan u hemm multa stipulata għal min jinqabad”.  L-istess sorsi meta mistoqsijin jekk inqabdux persuni jużaw kard ta’ ħaddieħor f’dan l-ewwel jum, qalilna li għadu kmieni biex wieħed jgħid.

Marru jirkbu mingħajr kard … kellhom iħallsu

Jidher li kien hemm persuni li jew għax ma jafux jew għax ħadu ċans marru jirkbu fuq il-karozza tal-linja mingħajr il-card. Dawn ovvjament ma tħallewx jitilgħu u intalbu jħallsu. 

Tal-Linja Direct baqgħu bi ħlas

Ta’ min jgħix li waqt li r-rotot ta’ matul il-ġurnata ġew bla ħlas, is-servizz magħruf bħala Tal-Linja Direct baqgħu bi ħlas. Dawn huma it-TD2 mill-ajruport għal San Ġiljan u Tas-Sliema, it-TD10 mill-Belt għal Marsaxlokk u it-TD13 mill-Belt għal San Ġiljan u Buġibba.

Għalhekk irid jingħad li waqt li l-ebda kreditu mhu meħtieġ għall-ivvjaġġar fuq Rotot tal-Ġurnata, Rotot ta’ matul il-Lejl jew vjaġġi ta’ Servizz Speċjali, il-passiġġieri xorta se jkollhom bżonn kreditu fuq it-Tallinja Kard personalizzata tagħhom sabiex jivvjaġġaw fuq Tallinja Direct jew Tallinja On Demand.

Ekonomija

Sport