Il-Qorti tal-Appell f’sentenza li tat sabet lil George Zahra li għandu mikrija għalqa fil-limiti ta’ Birżebbuġa, ħati ta’ akkużi kriminali meta skont ma qalilna l-istess Zahra, din is-sentenza ngħatat fuq pjanta li ma kinitx awtentika u li ma kinitx tagħmel parti mill-kuntratt. Din il-pjanta li la għandha timbri u lanqas firem uffiċjali, ġiet ikkontesta bil-qawwi minn Zahra fil-Qorti tal-Maġistrati permezz ta’ rikors li eventwalment, għal raġunijiet li huwa ma jafx, qatt ma nagħta digriet fuqu.
F’dan l-appell li baqa’ għaddej minkejja li kien hemm proċeduri pendenti kruċjali fir-rigward, George Zahra qiegħed isostni li intortament u inġustament instab ħati fejn barra l-aktar gravi, tħammiġlu l-kondotta, spiċċa ordnat iħallas €500 fi spejjeż tal-Qorti u €700 oħra għar-rapport mill-esperti tal-Qorti.
Però għal Zahra din mhiex ġustizzja. Barra li s-sitwazzjoni, li bdiet lura fl-2014 huwa għexha, Zahra qal li kellu konfermi kemm mill-Qorti Ċivili, minn ufffiċjali għolja tal-pulizija, kif ukoll minn persuni tekniċi bħal esperti, periti u nutara, li għandu raġun rigward din il-pjanta ffalsifikata.
Il-kwistjoni
Fl-2014 inbdew proċeduri kriminali fil-konfrot ta’ Zahra mill-Pulizija fejn ċertu John Ellul allega li għandu dritt jgħaddi mill-għalqa ta’ Giuseppi Grixti. Minħabba li sab xatba magħluqa u ma kellux aċċess bagħat kwerela lill-Pulizija biex jinbdew proċeduri kriminali. Dan tal-aħħar qalilna li l-għalqa fejn tinstab din ix-xatba inkwistjoni mhiex fuq proprjetà ta’ Giuseppe Grixti imma ta’ Giuseppa Grixti li tiġi oħtu.
“Jiena għandi għalqa mikrija kemm ta’ Giuseppe Grixti (illum mejjet), kif ukoll oħra minn Giuseppa Grixti, li tiġi z-zija tiegħi u għadha ħajja. Ellul iddeċieda li jgħaddi mill-għalqa ta’ Giuseppe Grixti. X’ħin ippruvajt infiehem fil-Qorti tal-Appell li l-għalqa fejn hemm ix-xatba hija ta’ Giuseppa Grixti, dawn ma tawx kas,” sostna George Zahra.
Huwa qal li agħar minnhekk, waqt li sar l-aċċess mill-esperti tal-Qorti, ġbidt l-attenzjoni li l-kuntratt ta’ diviżjoni ppreżentat tan-nutar, fih, il-pjanta kienet mibdula. “Għalkemm qalilna li se jiċċekkja liema pjanta hija t-tajba, ma ċċekkjax u għamel ir-rapport fuq il-pjanta li ma kinitx awtentika billi fiha tidher għalqa oħra li fil-kuntratt ma tissemma mkien għajr ħlief fil-konfini. Meta rċevejt dan ir-rapport għamilt rikors li sal-lum ħadd ma ta digriet tiegħu,” spjega Zahra.
Huwa kompla billi qal li fil-Qorti huwa ġibed l-attenzjoni li l-pjanta ma kinitx awtentika, kif ukoll ippreżenta pjanta oriġinali li fiha l-firem tal-perit u n-nutar. Mentri kif spjega Zahra fil-Qorti, il-pjanta l-oħra li ġiet ippreżentata mill-Parte Ċivile, “ħadd ma jaf min għamilha” u m’għandhiex il-firem uffiċjali meħtieġa.
Rikors li qatt ma nstema’ u rapport li qatt ma sar…
“Sinċerament ma nistax nifhem kif pjanta tiġi aċċettata b’dan il-mod. Il-Qorti tal-Maġistrati dwar dan ir-rikors ma tatx digriet u għal-liema raġuni ma nafx. Sadanittant dan ir-rapport ġie ppreżentat fil-Qorti Ċivili u jien għamilt rikors fejn l-imħallef mill-ewwel indunat bl-iżball fil-pjanti u ħatret mill-ewwel perit ieħor biex jagħmel rapport dwar liema pjanta verament hija annessa mal-kuntratt. Dan ir-rapport, sal-lum għadu ma tlestiex,” spjega Zahra.
Huwa qal li dan ifisser li la nstema’ r-rikors u lanqas sar ir-rapport fuq din il-kwistjoni tal-pjanta u minkejja dan, il-proċeduri fil-Qorti Kriminali komplew u saħansitra nqatgħu b’sentenza kontrih.
Huwa qal li għamel appell fejn reġa’ ġbid l-attenzjoni li l-għalqa mhiex ta’ Giuseppe Grixti bħalma hemm imniżżel fil-kwerela però xorta waħda, ġiet ikkonfermata s-sentenza ta’ ħati fil-konfront tiegħu. “Lili dejjem għallmuni li jekk tippreżenta dokument mhux awtentiku fil-Qorti, dan huwa reat serju u jġorr piena ta’ ħabs ta’ bejn disa’ xhur u sentejn ħabs. Hawn sar kollox kontra,” qal b’diżappunt kbir Zahra.
Filwaqt lil qal lil dan is-sit li huwa mhuwiex lest li jibqa’ bil-kondotta maħmuġa, George Zahra stqarr li mhux se jkollu triq oħra ħlief dik li jieħa parir legali sabiex jara jekk hemmx lok ta’ Kawża Kostituzzjonali minkejja l-ispejjeż legali kbar involuti. “X’nista’ nagħmel? M’inix se nibqa’ hekk. Kif nista’ nifhem u naċċetta sentenza bħal din b’konsegwenza li tħamġitli l-kondotta?”