Saturday, December 28, 2024

“M’għandniex fl-istess ħin induru kontra r-Russi li għandna fostna” – il-Ministru Bartolo

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo qal li għax qed nuru ġenerożità mal-Ukreni fil-gwerra krudila li qed isofru, m’għandniex fl-istess ħin induru kontra r-Russi li għandna fostna. 

Permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali huwa nnota li għandna eluf ta’ Russi jgħixu fostna u mhux sew li jeħlu b’dak li qed jagħmel il-President Putin fl-Ukrajna. 

F’dan ir-rigward, il-Ministru Bartolo qal li mhux sew li jkun hemm min jinfexx f’mibegħda kontra tagħhom u jpattihielhom. 

“Mill-komunità Ukrena fostna qaluli li sabu simpatija minn ħafna Russi lokali li ma jaqblux mal-gwerra kontra l-Ukrajna. Għalhekk mhux sewwa li poplu sħiħ jeħel b’li jagħmlu l-mexxejja,” qal il-Ministru.

Żied jgħid li hemm Russi li minħabba l-gwerra kien hemm sidien Maltin qalulhom biex jitilqu mill-post fejn qed joqgħodu. 

Innota wkoll li hemm ħaddiema Russi li huma inkwetati fuq il-post li se jsofru xi atti ta’ tpattija. Dan apparti mill-fatt, li qal li hemm ġenituri inkwetati li wliedhom se jiġu bullied l-iskola. 

“Għandna niehdu ħsieb nistmaw tajjeb in-nazzjonalitajiet kollha differenti li hawn fostna għax huma bnedmin daqsna,” temm jgħid il-Ministru Bartolo.

Ekonomija

Sport