Wednesday, October 9, 2024

KAĊĊA U NSIB: NEDUKAW BIR-RESPONSABBILTÀ U MHUX B’PONN TAL-ĦADID

Alicia Bugeja Said
Alicia Bugeja Said
Kandidata Laburista

Aqra wkoll

Gvern Laburista minn dejjem kien tarka tad-drittijiet tal-kaċċaturi u nassaba Maltin u Għawdxin. 

Il-ħidma lokali u internazzjonali, fuq il-protezzjoni ta’ dan il-passatemp, hija xi ħaġa li aħna bħala moviment kburin ħafna bih. Daqskemm aħna ninsabu kuntenti wkoll li fis-snin li ġejjin, din il-ħidma sejra tkompli tintensifika ruħha, għall-ġid tal-komunità Maltija u Għawdxija kollha.

Il-Partit Nazzjonalista minn dejjem wera nuqqas ta’ konsistenza fil-pożizzjoni tiegħu. Sa ftit tal-ġranet ilu, meta s-Segretarju Ġenerali tal-PN kien mistoqsi fuq programm tat-televiżjoni fuq ix-xandir nazzjonali jekk huwa kienx favur il-kaċċa tar-rebbiegħa, huwa wieġeb fin-negattiv. Mur emmnu lil Bernard Grech, meta jgħid li l-PN fil-Gvern ser isir tarka tal-kaċċaturi, meta lanqas il-messaġġ minn membri tal-partit tiegħu stess huwa wieħed inkonsistenti għall-aħħar. 

B’kuntrast ta’ dan, il-ħidma ta’ dan il-Gvern tmur lil hinn mis-sempliċi dikjarazzjonijiet. 

Iktar kmieni dan ix-xahar, id-dilettanti tal-kaċċa u tal-insib f’Malta ingħataw ċertifikat ieħor ta’ appoġġ kbir minn dan il-Gvern: Gvern li tassew jemmen fuq il-bżonn li dan il-passatemp tant għall-qalb il-poplu Malti u Għawdxi, jibqa’ ħaj u sostenibbli.

B’żewġ avviżi legali li kienu ppubblikati fit-18 ta’ Frar, ġiet introdotta sistema ta’ punti amministrattivi u multi, fil-każ li kaċċatur jinqabad jikser il-liġi. Dawn it-tibdiliet jgħoddu speċifikament waqt il-kaċċa għall-fenek salvaġġ, kif ukoll fl-insib ta’ ċertu speċji t’għasafar. 

Il-provvedimenti preċedenti, minflok jipproteġu lill-kaċċaturi u nassaba responsabbli, kienu jintużaw bħala theddida kontinwa kontra t-tgawdija ta’ din it-tradizzjoni. Dan għaliex il-liġi ma kinitx tagħmel distinzjoni bejn dawk il-kaċċaturi responsabbli li jagħmlu żball ġenwin ta’ darba, u dawk il-ftit persuni li kienu jabbużaw mis-sistema.

Dan il-Gvern minn dejjem kien jemmen li r-responsabbiltà u l-edukazzjoni, iktar milli theddid u sentenza ta’ ħabs, huma l-għodda essenzjali biex il-persuni risponsabbli ikunu jistgħu jgawdu dan il-passatemp. Filwaqt li l-ksur tal-liġi qatt m’għandha tiġi ttollerata, kien wasal iż-żmien li dawn ir-reati ma jibqgħux suġġetti għal sentenzi ħorox u eċċessivi, anke meta mqabbla ma’ stati oħra tal-Unjoni Ewropeja; sentenzi li kienu jagħmlu iktar ħsara milli ġdid, hekk kif kienu jwasslu għal tensjoni żejda fost il-kaċċaturi u l-familjari tagħhom, u ħlasijiet legali inutili.

Minflok ponn tal-ħadid, dan il-Gvern jemmen li multi amministrattivi huma għodda ferm aħjar li twassal għal ġustizzja ekwa mal-kaċċaturi u n-nassaba kollha Maltin. Dan bil-għan li l-liġi tkun pari passu mal-bqija tal-Unjoni Ewropeja, inkomplu nipproteġu lill-komunità, filwaqt li nibqgħu nippromowvu r-responsabbiltà.

Dan bl-ebda mod ma jfisser it-tmiem tal-ħidma tagħna. L-effetti tat-tibdil tal-klima qiegħed ikompli jfarrak is-sistemi naturali eżistenti fejn tidħol il-passa tal-għasafar. Pajjiżna hija biss ħolqa f’katina globali li qiegħda tiffaċċja kriżi eżistenzjali fil-biodiversità ta’ madwarna; Kemm dik marittima, kif ukoll dik tal-art.

Madanakollu, minkejja ċ-ċokon tagħna bħala nazzjon, aħna qatt ma bżajna nieħdu l-passi neċessarji biex nipproteġu dak li huwa tant għażiż għalina. Bl-edukazzjoni u b’responsabbilità, kapaċi ngawdu dan id-delizzju b’mod bilanċjat, filwaqt li nipproteġu n-natura ta’ madwarna għall-ġenerazzjonijiet futuri. 

Sport