Wednesday, December 25, 2024

“M’hemmx bżonn li t-tilqim ikun obbligatorju fl-iskejjel għax kulħadd qed jiġbed ħabel wieħed”

Aqra wkoll

Fid-29 ta’ Diċembru li għadda, Dr Clifton Grima nħatar uffiċjalment Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport. Hu ħa l-ġurament tal-ħatra fil-Palazz tal-President f’Sant Anton mill-President ta’ Malta, George Vella. 

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela u l-Prim Imħallef Mark Chetcuti. 

Dr Grima nħatar Ministru għall-Edukazzjoni wara li Justyne Caruana rriżenjat minn din il-kariga.  

Bla dubju li dawn huma ġranet ferm impenjattivi għall-Ministru l-ġdid issa li l-iskejjel se jkunu qed jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom il-ġimgħa d-dieħla wara l-btajjel tal-Milied u l-Ewwel tas-sena. Hekk kif ninsabu f’nofs pandemija din il-miżura hi ferm sensittiva għalkemm importanti minħabba li l-ambjent fiżiku hu ferm importanti għat-tfal.  

Barra minn hekk is-settur sportiv ġie elevat fil-livell ta’ ministeru wara li għal ħafna snin kien fuq il-kappa ta’ segretarjat parlamentari.  

Talk.mt iltaqgħet mal-ministru l-ġdid fejn qasam magħna l-ħsibijiet tiegħu dwar dawn iż-żewġ setturi ferm importanti għal pajjiżna. Hu mal-ewwel qalilna li dan se jkun l-uffiċċju fejn mhux biss se jilqa’ edukaturi, ġenituri u tfal iżda wkoll amministraturi u  sportivi u dan jimlih b’sodisfazzjon kbir. Minkejja kollox, it-tfal kienu, għadhom u jibqgħu l-protagonisti ta’ dan id-dekasteru minħabba li skont Grima huma l-preżent u l-futur ta’ pajjiżna u jiffurmaw il-pedament tant importanti għall-ġejjieni ta’ pajjiżna. 

YouTube video
Filmat: Alan Saliba

“Kelli laqgħat kordjali ħafna f’dawn l-ewwel jiem ma’ kull min hu parti mis-settur tal-edukazzjoni għax nixtieq li ħadd ma jibqa’ lura filwaqt li nisma’ lil kulħadd x’għandu xi jgħid. Tkellimt mal-unions ewlenin ta’ pajjiżna fejn għandu x’jaqsam l-edukazzjoni u kollha qbilna li l-istudent għandu jkun fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni meħuda.” 

Dr Grima ma xtaqx iħalli barra lill-ġenituri tat-tfal li jagħmlu sagrifiċċji kbar għal uliedhom u sejħilhom l-ewwel għalliema fid-dar sabiex imbagħad ikunu lesti sabiex imorru fuq il-bankijiet tal-iskola. Dawn kollha flimkien ma’ oħrajn huma katina għas-suċċess tal-edukazzjoni f’pajjiżna. 

Dr Grima ma naqasx sabiex jitkellem fuq is-settur sportiv li tant hu għal qalbu minħabba li ġej ukoll minn dak il-qasam.  

“Hu ta’ sodisfazzjon kbir għalija wkoll li l-isport ġie elevat għall-Ministeru. Għandi fiduċja li se nkunu qed niksbu riżultati sbieħ fiż-żmien li ġej għax se nkunu qed naħdmu sabiex insaħħu dan is-settur tant importanti. Irridu nagħtu rikonoxximent lil dawn l-isportivi li naf li jagħmlu sagrifiċċji kbar sabiex jakkwistaw dak li jixtiequ.” 

“Bħala ministeru se nkunu qed nagħtu l-għajnuna kollha tagħna f’avvenimenti li se jsiru f’pajjiżna fiż-żmien li ġej fosthom il-Logħob ta’ Special Olympics, il-Logħob tal-pajjiżi ż-żgħar tal-Ewropa u l-kampjonat Ewropew ta’ taħt id-19-il sena. Qed nistennew bil-ħerqa dawn l-avvenimenti.” 

Il-Ministru l-ġdid saħaq kif fis-settur tal-isport se jsir aktar investiment fl-infrastruttura u anki fl-atleti. 

“Peress li  fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin ħa nkunu qed nospitaw numru ta’ avvenimenti internazzjonali ġewwa pajjiżna,allura hemmhekk se nkunu qed nuru għal darba oħra li bħala pajjiż kapaċi nqumu għall-okkażjoni, kapaċi norganizzaw b’mod tajjeb ħafna u anke ngħid jien kapaċi niksbu l-unuri.” 

Saqsejna lill-ministru Grima dwar it-theddida li qed iġġib magħha l-pandemija partikolarment il-varjant Omicron u d-dħul mill-ġdid tal-istudenti u l-għalliema fl-iskejjel. 

Dr Grima qalilna li bħala ministeru se jkunu viġilanti fuq dak li qed jiġri bħalissa u l-protokolli li ilhom eżistenti għal dawn l-aħħar xhur jibqgħu fis-seħħ għal ġid ta’ dawk kollha involuti.  

“Dawn il-miżuri ħadmu għax stajna ninnutaw kemm in-numri affettwati kienu limitati anke għax qgħadna attenti li dawn il-protokolli jiġu segwiti sew. Ma rridx ngħid li ma kienx hemm każijiet fl-iskejjel primarji u sekondarji tagħna iżda dawn in-numri baqgħu stabbli.” 

“Minkejja kollox, kull min hu nvolut f’dan is-settur jaqbel li post it-tfal hu fl-iskola anke għax l-ambjent fiżiku hu ferm kruċjali għall-iżvilupp akkademiku, emottiv u soċjali tal-istudent. Jien bħala missier ta’ żewġt itfal nista’ nifhem li l-iskola hu l-post fejn isir l-iżvilupp kontinwu u l-ebda element teknoloġiku ma jista’ jibdel dan kollu. ” 

“Kellna kuntatti kontinwi mas-superintendent tas-saħħa pubblika l-professur Charmaine Gauci u wara diskussjoni li fiha pparteċipaw numru ta’ persuni involuti ħadna d-deċiżjoni li l-iskejjel jiftħu l-bibien tagħhom fl-10 ta’ Jannar li ġej.” 

Fl-istess waqt hu jifhem li ċerti ġenituri qed jinkwetaw li jibagħtu lit-tfal tagħhom fl-iskola għalkemm sostna li l-vaċċin u l-booster qed jingħataw ġmielhom tant li iktar minn nofs l-adulti tlaqqmu. Bit-tfal u l-istudenti żgħażagħ li wkoll tlaqqmu, Dr Grima sejjaħ il-vaċċin bħala alleat tajjeb sabiex bil-mod il-mod nerġgħu nirritornaw għan-normalità.  

Dr Clifton Grima faħħar ix-xogħol li sar f’dawn l-aħħar snin fejn għandu x’jaqsam il-librerija diġitali fejn hemm madwar 12,000 lezzjoni interattiva li kulħadd jista’ jaċċessa għalihom. Dan hu bla dubju fenomenu li bl-Ingliż jissejjaħ on demand u li qed jaqdi l-ħtiġijiet ta’ diversi studenti li jfittxu kif ukoll tal-ġenituri li jagħmlu wkoll ir-riċerka tagħhom għal uliedhom.  

Dan kollu jsaħħaħ il-fehma ta’ ħafna li l-istudent dejjem għandu jingħata l-edukazzjoni sħiħa u dan kollu hu biss possibbli meta t-tfal ikunu preżenti fiżikament fl-iskola.  

Fl-istess waqt saqsejna lill-Ministru tal-edukazzjoni u l-isport dwar jekk jikkunsidrax jagħmel it-tilqim obbligatorju għall-adulti u t-tfal fl-iskejjel. Hu qal li diġa’ hemm rata tajba ta’ tilqim u għalhekk m’hemmx il-ħtieġa li dan kollu jsir obbligatorju. Hu tenna li qed jevalwaw is-sitwazzjoni għalkemm jaf li kulħadd qed jiġbed ħabel wieħed f’dan ir-rigward sabiex jiġi kkontrollat kemm jista’ jkun it-tixrid ta’ dan il-virus.  

Finalment tlabna lil Dr Grima sabiex jagħti messaġġ tal-aħħar lill-edukaturi, lill-ġenituri u dawk kollha nvoluti fl-edukazzjoni.  

“Jekk kulħadd jimxi id f’id, ċert li se nkomplu niksbu dejjem aktar suċċess f’dan il-qasam tant importanti għal pajjiżna. Nemmen ħafna bid-djalogu għax jekk bniedem jisma’, jsir jaf dejjem aktar x’għandu jsir sabiex titjieb is-sitwazzjoni. Ma rridx ninsa t-tfal li tant huma importanti sabiex ikollna suċċess f’dan il-qasam. Il-kontribut tagħhom hu kruċjali sabiex naslu għal titjib sħiħ fil-livell akkademiku u soċjali tagħhom.” 

Ekonomija

Sport