Wednesday, May 15, 2024

“M’hemmx bżonn maħfra Presidenzjali biex tixhed jekk tassew lest tikkopera u tgħin” 

Il-Qorti lill-Koħħu

Aqra wkoll

Imħallef warrab it-talba li saret minn Vince Muscat magħruf bħala “l-Koħħu” biex jingħata kumpens talli ma ngħatax maħfra presidenzjali b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’Settembru tal-2020, Muscat kien fetaħ kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Prim Ministru, il-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali, l-Avukat tal-Istat u l-Ministru tal-Ġustizzja. 

Fir-rikors tiegħu, Muscat kien sostna li huwa baqa’ ma ngħatax il-proklama minkejja li għadda lill-pulizija informazzjoni kruċjali dwar numru ta’ każijiet li skontu se twassal biex dawn ikunu solvuti. 

Huwa allega wkoll li din l-informazzjoni kienet twassal biex ikunu identifikati dak li sejjaħ “xibka ta’ diversi persuni prominenti u mhumiex” li allegatament huma involuti fil-qtil ta’ Caruana Galizia u reati oħra ta’ persuni li għadhom ma ssemmewx. 

Wara li semgħet il-partijiet, l-Imħallef Francesco Depasquale sostna li ladarba l-azzjoni kienet diretta lejn in-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-President, Muscat ma kellu l-ebda raġuni biex idaħħal persuni oħra f’dawn il-proċeduri, ħlief biex jipprova joħloq aktar storbju u attenzjoni lejn il-pretensjonijiet tiegħu.

L-Imħallef innota li fl-aħħar snin seħħew varji delitti li daħħlu biża’ fis-soċjetà u xekklet is-sens ta’ sigurtà li għandha dritt tippretendi fosthom il-qtil ta’ Caruana Galizia u l-qtil kiesaħ u biered tal-Avukat Carmel Chircop.

Qal li f’dawn id-delitti Muscat kien attivament kien involut tant li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u kien ikkundannat 15-il sena ħabs, u ngħata l-maħfra sabiex jixhed fil-kawżi konnessi mal-qtil tal-Avukat Chircop.

Sadanittant, il-Qorti osservat ukoll li minkejja l-gravità tad-delitt li qiegħed jiġi investigat, ebda persuna involuti f’delitt ma għandu jippretendi li għandu dritt sagrosant li jingħata maħfra presidenzjali, bħalma donnu qed jinsisti Muscat.

“Pajjiż fejn tirrenja s-saltna tad-dritt, bħalma hija dik Maltija, tippretendi illi kull min ikun ikkommetta reat għandu finalment jirrispondi għal azzjoni kriminuża tiegħu u, jekk ikun hemm provi sufficjenti, jinstab ħati tiegħu. Hekk biss jista jigi assikurat illi l-Liġi tiġi rispettata u osservata minn kulħadd. Imbagħad, jekk tali persuna tagħżel illi tassisti lill-Prosekuzzjoni sabiex jinstabu ħatja nies oħra, kif hija dejjem libera li tagħmel, dana jista’ jiġi rifless fid-deċiżjoni finali illi tingħata kontra tagħha għall-att kriminuż minnha kommess,” saħqet il-Qorti.

Qalet li ma tistax ma tosserva li f’każ li verament Muscat jixtieq jgħin lill-Pulizija fid-delitti li huwa jgħid li għandu informazzjoni dwarhom, ma hemm xejn x’iżommu milli jipprovdi tali informazzjoni, anke quddiem il-Qorti sabiex il-ġustizzja finalment tirrenja – ma hemmx bżonn maħfra Presidenzjali biex ir-rikorrent (Muscat) jixhed – jekk verament huwa dispost jikkopera u jgħin.”

Kien għalhekk li l-Qorti ċaħdet it-talbiet ta’ Muscat bl-ispejjeż kontra tiegħu. 

Sport