Monday, December 9, 2024

“Mhijiex aċċettabbli sistema li titfa’ l-ħtija fuq is-skiet tal-vittmi”

Aqra wkoll

Biża’ u l-pressjoni jistgħu jwasslu biex vittma tirrifjuta li tixhed u jwassal biex jiġi liberat l-aggressur

Minn – MARIA AZZOPARDI

Kif tħabbar ix-xahar li għadda, fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena l-każijiet ta’ vjolenza domestika li ġew irrapportati żdiedu b’15% meta mqabbel mal-istess xhur tas-sena ta’ qabel. Wara li l-allegat aggressur jittella’ l-qorti, sfortunatament ikun hemm każijiet li jispiċċaw biex dan jispiċċa jiġi illiberat. Dan għaliex, il-vittma tagħżel li ma tixhidx u b’hekk il-Qorti ma jkollha l-ebda triq oħra ħlief li tilliberah.

Wieħed minn dawn il-każijiet seħħ proprju ftit tal-jiem ilu fejn Mqabbi ta’ 40 sena ma nstabx ħati li refa’ jdejh fuq martu f’darhom, minkejja li l-Aġenzija Appoġġ studjat il-każ u l-Pulizija ressqet l-allegat aggressur, proprju għaliex il-mara nsistit li ma riditx tixhed. Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar biex ma tinkixifx l-identità ta’ martu, kien akkużat li fid-9 ta’ Marzu li għadda ikkaġunalha ġrieħi ħfief, beżżagħha, heddidha u taha fastidju.

Inewsmalta.com tkellem mal-Kummissarju għall-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika Audrey Friggieri dwar x’jista’ jwassal biex vittma tirrifjuta li tixhed fejn sostniet li dejjem hemm raġuni. Hija qalet li jeħtieġ li l-awtoritajiet konċernati jifhmu li l-fatt li jkun hemm relazzjoni viċina bejn l-aggressur u l-vittma huwa sinifikanti f’każi bħal dawn.

Biża’ minn iktar vjolenza… taħt pressjoni biex jirtiraw ir-rapport

Friggieri qalet li f’ċerti sitwazzjonijiet, ikun hemm il-biża minn iktar vjolenza fil-futur jekk l-aggressur jiġi meħlus jew meta jerġa’ jfittex il-vittma wara li joħroġ mill-ħabs. Hija żiedet tgħid li din il-biża’ tkun iktar akuta jekk il-vittma ma jkollhiex fiduċja fil-livell ta’ protezzjoni eżistenti ladarba l-aggressur jinħeles.

Apparti minn hekk, Friggieri qalet li l-vittmi jistgħu wkoll ikunu taħt pressjoni biex jirtiraw ir-rapport li jkunu għamlu kontra l-aggressur meta dan ikollu rwol sinifikanti f’ħajjithom jew fil-ħajja ta’ xi ħadd li jħobbu. Dan għaliex jibżgħu li l-aggressur jista’ jagħmlilhom il-ħsara bħala tpattija.

“Pereżempju jekk l-aggressur huwa l-unika sors ta’ dħul finanzjarju fil-familja, il-mara tista’ tħoss dilemma meta tikkunsidra tirrapportax jew titlax tixhed jew le, jekk hi u uliedha se jispiċċaw jgħixu fil-faqar f’każ li huwa jintbagħat il-ħabs. Vittmi bħal dawn jissapportu l-abbuż għax jemmnu li aħjar hekk milli jispiċċaw barra minn darhom u/jew mingħajr flus,” qalet Friggieri.

Ninsab iddispjaċuta li l-maġistrat konċernat tefa’ r-responsabbiltà kollha fuq il-vittmi…”

Il-Kummissarju Friggieri qalet li tinsab iddispjaċuta li l-maġistrat konċernat tefa’ r-responsabbiltà kollha fuq il-vittmi minflok waqaf jikkunsidra u jindaga fil-fond ir-rwol tal-aggressur fil-każ. Hija qalet li sistema li titfa’ l-ħtija fuq is-skiet tal-vittmi u tiġġustifika permezz t’hekk li jiġi liberat aggressur mhijiex aċċettabbli, speċjalment meta din il-persuna jkollha storja preċedenti ta’ każi simili.

“Permezz ta’ dan l-aġir, il-vittma konċernata, kif ukoll dawk kollha li sofrew minn vjolenza domestika b’xi mod jew ieħor jerġgħu jiġu vittimizzati, din id-darba mis-sistema ġudizzjarja li suppost qiegħda hemm biex tipproteġihom. Dan wara l-ostakli kollha li jkollhom jegħlbu biex iħossuhom siguri u jaslu biex jgħixu ħajjithom f’serħan il-moħħ,” qalet Friggieri.

Hija temmet tgħid li jeħtieġ li l-istorja wara s-skiet tal-vittma tiġi riċerkata u kkunsidrata skont kif inhu xieraq fil-qrati u li jkun hemm protezzjoni ikbar lill-vittmi.

Ekonomija

Sport