Friday, December 13, 2024

“Mhix idea tajba li biex ikollok l-immunità tieħu l-Covid, aħjar tibni dik l-immunità bil-vaċċin”

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li mhix idea tajba li biex persuna jkollha l-immunità tieħu l-Covid, iżda jkun aħjar li tibni dik l-immunità bil-vaċċin għax minkejja li jista’ jkollu xi side effects ħfief, bil-Covid hemm min kellu konsegwenzi agħar.

F’filmat imtella’ fuq il-midja soċjali fl-aħħar sigħat waqt li kien qed iwieġeb għad-domandi fuq programm imxandar fuq l-istazzjon nazzjonali, id-Deputat Prim Ministru qal: “Jekk taqbdek il-Covid, bħal meta taqbdek kull marda oħra, ikollok ċertu immunità naturali. Issa hawn kundizzjonijiet li jekk jaqbduk, bħal ħożba fejn meta taqbdek il-probabilità hija li l-immunità se sservik ħajtek kollha, imma l-Coronavirus huwa magħruf li l-immunità li ttik huwa ta’ perjodu qasir. Fil-fatt għalhekk ngħidu li min ħa l-Covid xorta jrid jieħu t-tilqima wara erba’ ġimgħat għax it-tilqima ttik protezzjoni u immunità li ddum aktar minn dik tal-marda naturali.”

Żied jgħid: “Jekk timrad bil-Covid, iva tkun ħadt ċertu immunità imma bit-tilqima u speċjalment bil-booster, dik l-immunità hija aktar u anke li kieku mhix idea tajba li biex ikollok l-immunità tieħu l-Covid, aħjar tibni dik l-immunità bil-vaċċin għax il-vaċċin jista’ jkollu side effects ħfief fejn forsi jkollok ftit uġigħ f’idejk jew ftit deni għal xi ġurnata, imma bil-Covid kien hemm min spiċċa l-isptar, l-ITU u saħansitra tilef ħajtu. Dan ifisser li l-immunità fil-komunità nibnuha u nsaħħuha bil-vaċċin u bil-booster, jekk jista’ jkun mhux billi tieħu l-Covid.”

Ekonomija

Sport