Friday, May 17, 2024

ROTI: Carl Inguanez isir l-iżgħar rebbieħ fl-istorja tal-V1 Malta Series

Aqra wkoll

minn Antonello Abela

L-istorja prinċipali mill-aħħar żewġ tiġrijiet li saru fil-V1 Malta Series, dawk tal-Awstrija u tal-Gran Brittanja, waslet fit-tieni Kampjonat hekk kif Carl Inguanez, sar l-iżgħar rebbieħ tal-istorja tal-V1 Malta Series fl-età ta’ 13-il sena.

Is-sewwieq tal-Williams rebaħ il-Grand Prix tal-Gran Britannja ta’ din il-kategorija minkejja l-fatt li fuq it-trakka, Liam Gatt (McLaren Mercedes) rebaħ it-tiġrija bi tmien sekondi vantaġġ iżda intervent tal-uffiċjali, li ppenalizzaw lil-leader ta’ dan il-kampjonat fuq żewġ irregolaritajiet b’żewġ penalitajiet ta’ ħames sekondi, waħda, taw ir-rebħa lil Inguanez fuq il-mejda u waqqgħu lis-sewwieq tal-McLaren fit-tielet post hekk kif Kevin Lucchese (Mercedes) ġie kklassifikat fit-tieni post.

Silverstone kienet ukoll it-teatru ta’ dik li għal ħafna fil-komunitá ta’ Velocity Esports Racing, kienet l-isbaħ tiġrija li kien hemm fil-Kampjonat Prinċipali hekk kif l-azzjoni ma waqfitx bejn is-sewwieqa b’Jake Sammut (Ferrari) jitlef l-ewwel post fl-aħħar kantunieri wara taqtiegħa ħarxa ma’ Adrian Manduca (Alpine) u Michael Pace (Mercedes).  Eventwalment kien Manduca li rebaħ fuq Pace biċ-champion renjanti, Jake Sammut, itemm it-tielet wara inċident li kellu mal-istess sewwieq tal-Alpine fl-aħħar dawra.

Sammut kien kemmxejn sfortunat meta anke fl-Awstrija tilef ir-rebħa wara li kellu xi penalitajiet li kkundannawh għat-tieni post b’Ryan Carabott (Aston Martin) spiċċa jiġi ddikjarat bħala r-rebbieħ ta’ din it-tiġrija b’Michael Pace jtemm fit-tielet post.

Min-naħa l-oħra, l-Grand Prix tal-Awstrija tat-Tieni Kampjonat ra lil Thomas Elder (Alpha Tauri) japprofitta mill-assenza ta’ Liam Gatt biex jirbaħ din it-tellieqa b’Kevin Lucchese jerġa’ jispiċċa t-tieni u Ephrom Tabone jikseb podju ieħor għall-Alfa Romeo.

Meta wieħed jiġi biex jagħti ħarsa lejn il-klassifiki sal-ħin li dan l-artiklu wasal biex imur għall-pubblikazzjoni, l-aktar qabża ta’ nota saret minn Michael Pace li issa tela’ fit-tielet post tal-Kampjonat Prinċipali tas-Sewwieqa b’79 punt wara Ryan Carabott (151 punt) u Jake Sammut (123 punt).

L-Aston Martin baqgħet f’ras il-klassifika tal-kostrutturi tal-istess kampjonat b’151 punt segwiti mill-Ferrari b’123 u mir-Red Bull li grazzi għall-wirjiet konsistenti tas-sewwieqa tagħhom, Brandon Bonello u Wayne Schembri, dan tal-aħħar awtur ta’ rimonta kbira f’Silverstone, jinsabu t-tielet b’104 punti.

Fit-Tieni Kampjonat, is-sitwazzjoni baqgħet stabbli f’dak tas-sewwieqa b’Liam Gatt jibqa’ l-ewwel b’141 punt kontra t-92 ta’ Ephrom Tabone (Alfa Romeo) u l-74 ta’ Kevin Lucchese (Mercedes)

Min-naħa l-oħra, fil-kampjonat tal-kostrutturi, il-McLaren Mercedes komplew jaħarbu hekk kif is-sewwieq il-ġdid tagħhom Lance Borg ġie darbtejn is-seba’ fl-aħħar żewġ tiġrijiet u kompla jżid mal-ammont ta’ punti li għandu Liam Gatt biex issa, t-tim ‘papaya’ għandu 152 punt. L-Alfa Romeo għadhom it-tieni b’106 iżda r-rebħa riċenti ta’ Carl Inguanez ressqet lill-Williams eqreb hekk kif issa dawn għandhom 101 punt.

NB. Antonello Abela huwa l-Editur tal-Paġna ta’ Facebook IL-KAMRA SPORTIVA li fiha wieħed jista’ jsib aħba­rijiet u opinjonijiet fuq diversi sports fosthom il-Formula 1, Formula 2 u Moto GP.

Sport