Monday, December 9, 2024

“Mhuwiex minnu li Dr Kenneth Grech tkeċċa jew tneħħa minħabba l-opinjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-iskejjel”

Aqra wkoll

“Stqarrijiet li qed jgħidu li Dr Kenneth Grech tneħħa mhumiex minnhom, l-istess bħalma huma inveritieri kull forma oħra ta’ stqarrija li tgħid li huwa tneħħa kaġun tas-sitwazzjoni li nħolqot mal-MUT u li ġiet solvuta l-ġimgħa li għaddiet.” Hekk qaltilna kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa f’kummenti li għaddiet lil dan is-sit meta mistoqsija dwar allegazzjonijiet li saru mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija kmieni dalgħodu li Dr Grech kien tneħħa wara li kien irrakkomanda kawtela dwar il-konsegwenzi tal-ftuħ tal-iskejjel.

Fil-kummenti tagħha l-kelliema qalet lil dan is-sit li kaġun tal-pandemija, it-tim ta’ esperti tas-saħħa pubblika li kien jinkludi wkoll fost oħrajn lil Dr Grech, intuża biex tkun fokalizzata l-ħidma fuq kwistjonijiet marbutin mal-Covid-19.

Ta’ min jgħid li qabel il-bidu tal-pandemija, dan it-tim ta’ esperti kien qed jaħdem biex jassigura fondi għas-settur tas-saħħa nazzjonali permezz tal-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa.

Madankollu minħabba d-deadlines, u biex ikun evitat li jintilfu miljuni ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea għal dan is-settur, l-awtoritajiet tas-saħħa qed jerġgħu jitolbu lil dan it-tim ta’ esperti biex jerġa’ jiffoka mill-ġdid fuq il-ħidma oriġinali tagħha.

Il-Ministeru għas-Saħħa żied jgħidilna li ċ-Chief Medical Officer kien jeħtieġ lil Dr Grech biex ikun żgurat li l-istrateġija miexja fid-direzzjoni t-tajba.

Il-Ministeru għas-Saħħa temm billi rringrazzja lil Dr Grech u lit-tim kollu tas-saħħa pubblika għax-xogħol li wettqu matul il-pandemija.

https://www.inewsmalta.com/2021/01/il-mam-tikkundanna-t-tnehhija-ta-konsulent-ghas-sahha-pubblika-tishaq-li-qed-jaslu-numru-ta-kazi-godda-mir-renju-unit/
Ekonomija

Sport