Tuesday, December 24, 2024

MHUX AĊĊETTABBLI LI NISTENNEW IS-SNIN BIEX JIĠU KONKLUŻI

Aqra wkoll

L-effiċjenza u l-attenzjoni huma bżonnjużi f’kull qasam tax-xogħol, aktar u aktar f’oqsma sensittivi bħalma hija l-Qorti ta’ Malta. Aħna nemmnu u nemfasizzaw il-bżonn li din issaħħaħ l-aktar fl-amministrazzjoni tagħha, speċjalment fejn jidħlu l-inkjesti u l-proċessi ġudizzjarji, inkluż dwar każi speċifiċi speċjalment jekk dawn ikunu ta’ interess pubbliku.

Kif proprju saħaq il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, aħna ma rridu bl-ebda mod li niġu interpretati li qegħdin nattakkaw lill-ġudikatura jew l-indipendenza tagħha. 

Iżda meta tara inkjesti maġisterjali li jtawwlu esaġeratament, għal snin, ma tistax ma tirrimarkax il-bżonn ta’ aktar ħeffa, għax hawnhekk qegħdin nitkellmu fuq umani li jkunu qed jistennew ġustizzja. Mhuwiex aċċettabbli li kawżi li jmissu ħajjet in-nies mill-qrib idumu daqshekk biex jinqatgħu.

Ta’ min ifakkar li smigħ xieraq u imparzjali li kaz jew inkjesta jkun konkluż fi żmien raġjonevoli hu dritt fundamentali kif imfisser mill-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan kollu huwa parti essenzjali mis-saltna tad-dritt

Minbarra li hemm bżonn li jitnaqqas it-tul ta’ żmien ċerti każi jdumu biex jaslu quddiem il-ġurija jeħtieġ ukoll li l-qrati jiżguraw li l-membri tal-ġudikatura jingħataw taħriġ kontinwu fir-rigward tad-dmir tagħhom u r-rizorsi mehtiega biex jithaffef il-process. B’hekk ikunu jistgħu jaghmlu bl-aħjar mod f’xogħolhom. Anke fil-każ tal-proċedura li titħaddem fil-qrati, li sfortunatament qed tispiċċa tikkontribwixxi hi wkoll għad-dewmien! Din trid tinbidel! Dan id-dewmien esaġerat ma jistax jibqa’.  

Għalkemm dan l-aħħar kien hemm żieda fin-numru ta’ ġudikanti u bħalissa hemm l-akbar ammont ta’ ħaddiema mal-aġenzija għas-servizzi tal-Qrati, jidher li għadu jinħass il-bżonn li jkun hemm żieda fid-deputati reġistraturi u staff ieħor fil-Qrati. 

Jidher li qed jibdew jittieħdu l-ewwel passi neċessarji hekk kif il-Gvern alloka l-akbar numru ta’ fondi għas-settur tal-ġustizzja b’allokazzjoni ta’ kważi €50 miljun filwaqt li laqa’ t-talba għaż-żieda fil-ġudikatura u llum pajjiżna għandu l-akbar numru ta’ ġudikatura fl-istorja – total ta’ 51 ġudikant. Anke n-nefqa fuq l-esperti fl-aħħar snin kienet bla limitu, hekk kif fl-aħħar sentejn intnefqet medja ta’ €8.5 miljun fis-sena fuq esperti biex jassistu fl-inkjesti. Dan kollu qed juri li l-Gvern qed jaħdem bil-fatti biex isaħħaħ il-Ġudikatura f’pajjiżna.

Ekonomija

Sport