Sunday, November 24, 2024

MHUX AĊĊETTATA ĠUNGLA FIL-PREZZIJIET

Aqra wkoll

Il-prinċipju ta’ suq ħieles suppost huwa ta’ benefiċċju għall-konsumatur għax ikattar il-kompetittività li x’aktarx ukoll traħħas il-prezzijiet. Dan iżda ma jistax iseħħ kemm-il darba s-suq jitħalla jsuq. Huwa kollu minnu li xi drabi jinħolqu sitwazzjonijiet li jwasslu biex il-prezzijiet ma jibqgħux stabbli u jibdew jogħlew. Għalhekk hija mistennija li waqt xi skarsezza, id-domanda tkun ikbar mill-provvista u b’hekk jogħlew il-prezzijiet.

Illum il-ġurnata l-ikbar inkwiet għall-familji Maltin ġej mill-għoli bla rażan tal-prezzijiet. U propju hawnhekk fejn naraw li s-suq qed jitħalla jsuq u bosta negozji kapriċċjożament qed japprofittaw minn dan u qed jgħollu l-prezzijiet kif, kemm u meta jridu huma, bil-konsegwenza gravi li ħafna familji qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja.

Dan kollu qed isir minkejja l-miljuni ta’ ewro li l-Gvern qed jonfoq f’sussidji biex il-prezzijiet, partikolarment tal-enerġija, jibqgħu stabbli u ma jogħlewx. Minn dan is-sussidju mhux biss il-familji qed jibbenefikaw imma anki n-negozji.

Huwa ta’ min japprezza ferm dan l-intervent mill-Gvern, iżda nemmnu li parti mill-iskop tas-sussidji qed jintilef, biex ma ngħidux li qed jinsteraq, minn sidien ta’ negozji bla kuxjenza li qed jgħollu sfaċċatament il-prezzijiet minn jeddhom.

Huwa kollu minnu wkoll li żmien il-kontrolli għadda imma b’daqshekk ma jfissirx li għandha nġħallu tirrenja ġungla fil-prezzijiet. Huwa proprju għalhekk li ħafna qed jistaqsu x’qed isir mill-awtoritajiet biex il-prezzijiet ma jitħallewx jogħlew b’kapriċċ u jkunu ta’ piż tqil fuq il-familji.

Ir-regoli stretti tas-suq ħieles, partikolarment dawk enfasizzati fl-Unjoni Ewropea, jipprekludu lil kull gvern milli jintervjeni f’sens ta’ kontroll tal-prezzijiet u n-negozji huma liberi li jiffissaw huma l-prezzijiet tal-prodotti u s-servizzi li joffru. Hija ħasra iżda li dak li qed jiġri llum, minkejja kull sostenn mill-Gvern, il-prezzijiet qed jogħlew b’mod artifiċjali, mgħaġġel u inġust tant li qed inawru mhux biss il-kompetittività ta’ pajjiżna imma wkoll il-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin.

F’dan is-sens ma nistgħux ma nappellawx għall-prudenza min-naħa tan-negozji li għandhom jifhmu wkoll li aktar ma jgħollu l-prezzijiet aktar se jkunu huma li finalment ibatu l-konsegwenzi, għaliex jekk il-familji jnaqqsu l-konsum ikun ifisser li lilhom jonqsilhom il-bejgħ u allura l-profitt.

Sport