Friday, May 2, 2025

Mhux biżżejjed li jkollok it-talent jekk m’intix lest li taħdem iebes u tagħmel is-sagrifiċċji – Glenn Barry

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn meta bdejt nimxi, dejjem kont bil-ballun f’saqajja.  Dak iż-żmien ftit li xejn kien hawn nurseries u bdejt nitħarreġ ma’ tim jismu Libertas. Fil-1987, meta kelli disa’ snin, bdiet in-nursery ta’ Floriana FC, ir-raħal fejn twieled missieri.  Jien, ħija u missieri ingħaqadna magħhom u bqajt nilgħab magħhom diversi snin, fejn anke kelli l-opportunitá nilgħab magħhom fil-Malta Premier.  Bqajt nilgħab fil-kampjonati tal-MFA ma’ diversi klabbs oħra sa meta kelli 33 sena qabel ma ddecidejt li nagħmel pass lura u ngawdi l-futbol amatorjali u l-futsal.  Xi għaxar snin ilu bdejt il-kowċing ma’ Zurrieq FC u minn hemm ħadt il-korsijiet neċessarji ta’ kowċ u llum għandi l-Liċenzja UEFA B.  Kien biss sentejn, tlieta ilu li waqaft nilgħab futbol amatorjali biex inkun nista’ nikkonċentra fuq ir-rwol ta’ kowċ.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ tal-U11s fin-nursery ta’ Balzan FC.

Wara diversi snin nikkowċja ma’ diversi klabbs, fejn kelli l-opportunitá nikkowċja diversi etajiet, minn U7 sa U15, ġejt avvicinat minn Balzan FC li kienu qed ifittxu kowċ għall-U11s tagħhom.  Kont ilni ninnota l-avvanz kbir li għamlet Balzan FC bħala Nursery fl-aħħar snin u għalhekk ma kellix għalfejn naħsibha darbtejn biex ningħaqad magħhom.  Fin-nursery hemm ċerti tfal b’talent kbir u l-filosofija tagħhom ta’ kif qed irawmu t-tfal togħġobni. 

Kemm taħdem spalla ma’ spalla mal-Head Coach, Etienne Vella?

Il-Headcoach Etienne Vella ili nafu għal diversi snin u għandna filosofija ta’ futbol simili ħafna. Inpoġġu l-iżvilupp tat-tfal qabel ir-riżultati, waqt li fl-istess ħin naraw li nkomplu nsaħħu l-isem ta’ Balzan FC bħala waħda mill-aħjar nurseries li hawn bħalissa f’Malta. Inħoss li għandi l-fiduċja tiegħu u għalhekk nista’ naħdem bi trankwillitá u serħan il-moħħ.

Huwa fatt maghruf li t-tim tal-kbar ta’ Balzan FC qed jutilizza bosta plejers prodotti tan-nursery tagħkom. X’taħseb li hu s-sigriet ta’ dan is-suċċess?

Sfortunatament, f’ħafna mill-klabbs f’Malta hemm distinzjoni bejn it-tim tal-kbar u n-nursery, b’kumitati u presidenti differenti. Ħafna drabi jispiċċaw ma jiġbdux ħabel wieħed u għalhekk it-tim tal-kbar ma jiħux il-frott li jkun qed itella’ n-nursery.  Ma’ Balzan FC sibt filosofija differenti, fejn kulħadd jaħdem flimkien b’għan wieħed. U meta nħares lejn it-tfal li telgħin minn nursery, inħossni kunfidenti li ħa naraw ħafna iktar plejers żgħażagħ minn Nursery jiddebuttaw mat-tim tal-kbar.

Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?

Għalkemm inħoss li l-livell tal-grassroots tjieb, xorta waħda nara nuqqas kbir f’ħafna aspetti. Eżempju dejjem nippredkaw li l-aħjar kowċis għandhom ikunu mat-tfal, peró biex tagħmel il-liċenzji u titgħallem dan mhux possibli.

Hemm ħafna iktar issues li nħoss li jżommu l-futbol lura fosthom ‘poaching’ bla rażan fejn fl-aħħar jispiċċaw ibatu t-tfal stess, indħil u pressjoni mill-ġenituri ġo ċerti klabbs, kowċis u ġenituri li jipprijoritizzaw ir-rebħ flok l-iżvilupp tat-tfal, nuqqas ta’ faċilitajiet jew spazju adekwat għat-tfal biex jitħarrġu, pressjoni żejda mill-ġenituri fuq it-tfal, taħriġ ‘result orientated’ flok nikkonċentraw fuq l-iżvilupp tat-tfal u nuqqas ta’ finanzi adekwat fin-nurseries. Nista’ nidħol fid-dettall ħafna iktar, peró ma nixtieqx intawwal.

U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-futbol Malti, jien ma rajtux jagħmel avvanz minn snin ilu. Il-fiduċja fil-prodott Malti naqset,li konsegwentement turi nuqqas ta’ fiduċja fis-sistema ta’ kif intellgħu ż-żgħażagħ Maltin. Ilhom jippruvaw itejbu l-futbol Malti billi jagħmlu tibdil fil-formats tal-kampjonati u jżidu l-plejers barranin. Peró, it-tibdil irid jsir minn isfel għal fuq. Jekk tħares lejn l-Ingilterra, fl-istaġun 2011-2012, għamlu taqlib sħiħ ta’ kif għandhom jitħarrġu t-tfal, fetħu ‘National Football Centre’ ġdid, għamlu pjan għal diversi snin, investew somom fenomenali fil-grassroots u ħadmu ħafna biex in-nurseries itejbu l-prodott tagħhom. Fl-aħħar snin, rajna ħafna iktar plejers żgħażagħ Ingliżi b’talent kbir jiddebbutaw fil-kampjonati il-kbar, fosthom Phil Jude Bellingham, Bukayo Saka u diversi oħra.  U anki n-Nazzjonal, li għal diversi snin kien diżappunt, irnexxielu javvanza ħafna iktar mis-snin ta’ qabel.  Fis-snin riċenti bdew il-‘football hubs’, Malta.  Peró, ma naħsibx li dan hu bizżżejjed biex il-plejers żgħażagħ Maltin jitjiebu.  Għalhekk fl-opinjoni tiegħi għandu jsir ħafna iktar mill-MFA biex intejbu n-nurseries u mhux infittxu plejers b’konnessjoni Maltija barra minn xtutna.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Fi żmieni, konna nilagħbu fit-triq, fuq grawnds tat-trab jew tal-konkos.  Illum it-tfal jilagħbu fuq turf artifiċjali.  Għalkemm suppost dan huwa ta’ vantagg, naħseb li l-fatt li konna nilagħbu fuq art iebsa kienet tgħinna ntejbu l-‘first touch’ tagħna.  Peró, hemm problema ikbar, li hi n-nuqqas ta’ spazju.  Diversi nurseries għandhom spazju limitat fejn jitħarrġu eżempju ċerti timijiet kompetittivi (U15, U17 u U19) ikunu xxurtjati jekk ikollhom nofs pitch kbir għat-taħriġ. B’hekk, kif tista’ tikkompeti ma’ timijiet barranin li jkollhom spazju enormi fejn jitħarrġu?! 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Ftit snin ilu kelli l-opportunitá li nikkowċja tim kompetittiv fl-U15s. Minħabba xogħol u affarijiet oħra personali kont iddeċidejt li nerġa’ nikkowċja tfal iżgħar minflok.  Issa nixtieq li jekk tiġini l-opportunitá nerġa’ nieħu r-riedni ta’ tim kompetittiv.  Fil-futur nixtieq li jkolli l-opportunitá li nikkowċja tim tal-kbar, peró għalissa ninsab konċentrat fuq li nħarreġ it-tfal fin-nursery ta’ Balzan FC.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Fil-futbol trid tkun dedikat u lest għas-sagrifiċċji. Mhux biżżejjed li jkollok it-talent jekk m’intix lest li taħdem iebes u tagħmel is-sagrifiċċji.  Żomm saqajk mal-art u ftakar li dejjem hawn min hu aħjar minnek, jiġifieri taf kemm taf, baqagħlek ħafna x’titgħallem!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport