Sunday, November 24, 2024

Mhux ħati li kisirlu siequ waqt festin

Aqra wkoll

Ajay Babu, Indjan ta’ 24 sena iżda li jgħix il-Pietà, ġie lliberat minn kull akkuża wara li nhar it-Tlieta li għadda tressaq il-Qorti fejn kien akkużat li aktar kmieni dan ix-xahar weġġa’ gravi raġel, li ħebb għalih u anke li heddu.

Il-Prosekuzzjoni qalet quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li l-każ seħħ bejn l-10 u l-11 ta’ Settembru li għadda fl-istess appartament fejn jgħixu kemm l-akkużat u anke l-vittma flimkien ma’ persuni oħrajn. Dakinhar kien inqala’ argument bejn diversi persuni waqt festin li kien qed isir hekk kif wieħed mill-Indjani kien sejjer lura lejn pajjiżu.

Il-vittma qal lill-Pulizija li waqt il-ġlieda, Babu kien ġie minn warajh waqt li kien qed jaqla’ daqqiet fil-kustilji, fil-pexxun u f’rasu mingħand żewġt iħbieb tal-akkużat, u kien hawn li dawwar siequ l-leminija ma’ tiegħu u kisirhielu.

Il-Maġistrat qalet li l-Prosekuzzjoni ma ressqet l-ebda prova li l-akkużat weġġa’ lill-vittma. Id-Difiża, mill-bidu nett tal-każ, qalet li dak li wettaq l-akkużat kien biss biex jipprova jwaqqaf il-ġlieda.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li Babu kien konsistenti mill-bidu nett fil-verżjoni tiegħu u anke daħal fid-dettall dwar dak li ġara. Fl-istess waqt il-vittma ta aktar minn verżjoni waħda. F’waħda mill-verżjonijiet li kien ta lill-Pulizija, il-vittma qal li Babu kien tah daqqa ta’ flixkun fuq moħħu, iżda mbagħad fil-Qorti qal li din id-daqqa kien qalagħha mingħand xi ħadd ieħor.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman.

Sport