Friday, December 13, 2024

Mhux ħati li pprova jisraq minn karozzi fuq nuqqas ta’ provi

Aqra wkoll

Raġel mis-Somalja kien illiberat mill-akkużi li pprova jisraq minn karozzi, li ta informazzjoni falza lill-Pulizija u li naqas milli jobdi l-ordnijiet tagħhom minħabba nuqqas ta’ provi. 

L-Ispettur Melvyn Camilleri, li mexxa l-Prosekuzzjoni f’dan il-każ, spjega lill-Maġistrat Victor G. Axiak kif nhar l-24 ta’ April 2021, għall-ħabta tas-2.00 a.m., il-Pulizija kienet infurmata li kien hemm żewġ persuni jduru fl-inħawi ta’ Ħal Għaxaq bid-dawl jew torċ iħarsu lejn il-karozzi u jimmiraw id-dawl għal ġo fihom. 

Meta l-pulizija marru fuq il-post, innutaw lil dawn iż-żewġ persuni u waqqfuhom però wieħed kien żgiċċalhom. Ir-raġel l-ieħor irriżulta li kien l-imputat, li kien għad kellu t-torċ tal-mobile mixgħul u sabuh ukoll b’turnavit u rawh iħares lejn il-karozzi.

Meta mitkellem mill-Pulizija, l-imputat qallu li jismu Abdul Karim Barre, li huwa mis-Somalja u għandu 23 sena. Min-naħa l-oħra, l-Ispettur spjega l-isem eżatt tal-imputat irriżulta mir-records tas-sezzjoni tal-immigrazzjoni u kien jismu Muhamed Abdirahman Ahmed.

F’dawn il-proċeduri, l-imputat ma xehedx u ma ressaq l-ebda provi. Min-naħa tagħha, il-Qorti qalet li għandha diversi provi li kollha jippuntaw subajhom lejn ċertu Abdul Karim Barre bħala l-persuna li kien wieħed mit-tnejn li pprovaw jisirqu minn vetturi f’diversi toroq. 

Qalet li d-dokumenti misjuba fil-pussess tal-imputat kienu jgħajtu lil Barre. Qalet ukoll li l-Prosekuzzjoni ma kienet ressqet l-ebda xhud, fosthom rappreżentanti tas-sezzjoni tal-immigrazzjoni fi ħdan il-Korp, ta’ Identity Malta jew tal-Kummissarju tar-Refuġjati, sabiex jikkonferma li l-imputat kien talbilħaqq Muhamed Abdirahman Ahmed u mhux Abdul Karim Barre.

Qalet li żgur mhuwiex il-każ li din il-prova setgħet titressaq b’mod konklussiv minn sempliċi ritratt iswed u abjad fuq dokument li lanqas kien ċar minn fejn oriġina. 

Il-Qorti saħqet li għandha iżjed minn dubju raġjonevoli dwar l-identità tal-imputat u kien għalhekk li fuq nuqqas ta’ provi kienet qiegħda tillibera lill-imputat minn kull akkuża miġjuba kontra tiegħu. 

L-Avukat Dr Ramon Bonett Sladden deher għall-imputat.

Ekonomija

Sport