Monday, July 7, 2025

Mhux ħati li qabbad siġar protetti f’Ħad-Dingli

Aqra wkoll

Francesco Galea, ta’ 75 sena mir-Rabat Malta ma nstabx ħati li qabbad nar b’mod irresponsabbli u kkawża ħsarat lil siġar protetti u proprjetajiet oħra fil-limiti tal-Qaws, Ħad-Dingli.

Quddiem il-Maġistrat Monica Vella, il-Prosekuzzjoni qalet li l-każ seħħ fis-6 ta’ Ottubru tal-2023 meta nar estensiv ħakem għelieqi fil-madwar u ħalla ħerba sinifikanti. Il-ħruq kien jestendi għal madwar 300 tomna ta’ art agrikola u xagħri fejn jidher ukoll li nħarqu siġar protetti u mħarsa bil-ligi.

Il-Maġistrat Vella fis-sentenza tagħha nnutat li l-ERA fl-investigazzjoni li saret kienet assenti. Il-konklużżjonijiet tal-investigazzjonijiet li saru ndukaw li l-imputat kien qabbad xi ħaxix ħażin fl-għalqa tiegħu dakinhar.

Iżda l-Qorti qalet li ma kien hemm l-ebda prova li jindikaw li kien l-imputat li konsegwenza tan-nar li qabbad infirex l-istess nar fuq skala ferm akbar. 

Uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili li xehdu fil-kawża qalu li r-riħ qawwi kien fattur eterminanti fit-tixrid mgħaġġel tan-nirien, u li kien hemm possibbiltà li n-nar seta’ beda minn postijiet oħra.

Fis-sentenza, il-Qorti nnutat li Galea kien ħa prekawzjonijiet u li qabbad iż-żrar li ried jaħraq f’post sigur. Aktar minn hekk hu kien ikkopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet tul l-investigazzjoni. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li ma ġiex provat lil hinn minn kull dubju raġonevoli li kien Galea li kkawża t-tixrid tan-nar fuq skala kbira u, għaldaqstant, ġie illiberat mill-akkużi kollha.

Il-Qorti ordnat li din is-sentenza tintbagħat immedjatament lill-Ministru tal-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, sabiex jassigura li l-Pulizija u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jingħataw taħriġ aktar speċjalizzat dwar kif għandhom jiġu investigati każijiet li jinvolvu ħruq u qerda ta’ ambjent naturali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport