Sunday, December 22, 2024

Mhux ħatja li xerrdet ritratt ta’ ħabiba f’attività sesswali ma’ raġel

Aqra wkoll

Tfajla ta’ 17-il sena li f’Settembru li għadda kienet instabet ħatja u ntbgħatet disa’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn hekk kif xerrdet ritratti ta’ ħabiba tagħha waqt attività sesswali ma’ raġel, wara li ressqet appell ġiet illiberata minn kull akkuża.

L-Imħallef Neville Camilleri li sema’ l-appell qal li fl-ebda stadju ma ġew ippreżentati dawn ir-ritratti lill-Qorti u għalhekk hu ma setax jgħid jekk kinux ritratti indiċenti jew le.

Wara li f’Settembru nstabet ħajta, l-avukati tat-tfajla ppreżentaw appell f’isimha għax qalu li l-prosekuzzjoni ma kellha l-ebda prova li hi kienet xerdet xi ritratti indiċenti li anke fihom kienet tidher tfajla taħt l-età.

L-Imħallef qal li kienet l-Aġenzija Appoġġ li ressqet rapport lill-Pulizija fejn kienu qalu li fuq il-midja soċjali qed jiċċirkolaw ritratti li fihom tidher tfajla taħt l-età bla ħwejjeġ.

Il-prosekuzzjoni kienu bagħtu għall-akkużata u hi kienet qaltilhom li kellha dawn ir-ritratti u li kienet bagħtithom lil persuna oħra. Kien fuq din il-bażi li l-Pulizija ressquha l-Qorti.

Fil-Qorti, it-tfajla qalet li fir-ritratt kien hemm tfajla oħra bla ħwejjeġ tagħmel sess orali fuq raġel li ma kienx taħt l-età. Jirriżulta li dik it-tfajla tar-ritratt kellha 15-il sena.

Iżda l-Qorti qalet li hi ma ratx dawn ir-ritratti u għalhekk ma setgħetx tgħid jekk kinux indiċenti jew le. L-Imħallef qal li l-prosekuzzjoni messha resqet lit-tfajla li tidher fir-ritratt biex tagħti x-xhieda tagħha.

Kien fuq dan il-punt li l-Qorti qalet li qatt ma setgħetx issib lill-akkużata ħatja u għalhekk ħassret is-sentenza tal-Ewwel Qorti.

Ekonomija

Sport