Sunday, December 22, 2024

Mhux jemmnu li 7,900 kaċċatur se jillimitaw lilhom infushom għal 1,500 għasfur

BirdLife jallegaw li l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-Gamiema diġà fetaħ illegalment hekk kif għada jinstema l-każ ta' mandat ta’ inibizzjoni quddiem l-Imħallef Giovanni Grixtri

Aqra wkoll

“L-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa għas-Summiena li ilu miftuħ minn nhar it-Tnejn diġà rriżulta f’numru sinifikanti ta’ Gamiem maqtula illegalment, minkejja li dwar il-kwistjoni jekk il-Gamiem jistax jiġi kkaċċjat legalment f’Malta hemm każ pendenti quddiem il-qorti.” Hekk stqarrew uffiċjali tal-Birdlife aktar kmieni llum hekk kif għada mistenni li jinstema l-każ ta’ mandat ta’ inibizzjoni li l-għaqda stess fetħet konta l-Gvern.

Għada l-Imħallef Giovanni Grixtri se jkun qiegħed jisma dan il-każ li suppost kellu jinstema fit-18 ta’ April, iżda wara talba li saret mill-Gvern ta’ Malta, is-smiegħ ġie mressaq biex b’hekk jinstema b’aktar urġenza.

Ir-rakkomandazzjoni biex jinfetaħ staġun għall-Gamiema kienet saret mill-Kumitat ORNIS waqt laqgħa fid-29 ta’ Marzu, fuq il-bażi ta’ rapport li tressaq mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) u li kien jgħid li l-hekk imsejħa reference population ta’ Malta għall-Gamiem żdiedet b’10-12%, bil-Kumitat jaqbel fuq kwota ta’ 1,500 għasfur biex jinqatlu tul perjodu ta’ ġimagħtejn.

BirdLife Malta se tkun qed tikkontesta x-xjenza wara dawn il-kalkoli żbaljati speċjalment meta l-aqwa esperti u istituzzjonijiet xjentifiċi jqisu l-Gamiema bħala speċi li qiegħda kulma jmur tonqos, bil-popolazzjoni ta’ dan l-għasfur tinsab fl-inqas livelli sa mill-2003.

L-aktar tagħrif aġġornat dwar il-popolazzjoni dejjem tonqos tal-Gamiema dan l-aħħar kien ippreżentat waqt laqgħa tat-Task Force tal-UE dwar l-Irkupru tal-Għasafar, li għaliha kienu preżenti wkoll uffiċjali tad-WBRU fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Tul il-laqgħa l-esperti rrakkomandaw li tkun sospiża l-kaċċa għall-Gamiem madwar l-Ewropa kollha sabiex jittaffa t-telfien kontinwu tal-ispeċi, u saħanistra aċċennaw għas-sitwazzjoni f’Malta.

Birdlife kompliet tgħid li “hu fatt magħruf li l-pulizija ma tistax tlaħħaq biex tikkontrolla xi jkun qed jikkaċċja kull kaċċatur, aħseb u ara kemm nistgħu nemmnu li jekk jinfetaħ l-istaġun, 7,900 kaċċatur se jillimitaw lilhom infushom għal 1,500 għasfur sempliċiment għax dan l għasfur jinsab fi stat Vulnerabbli.”

Ekonomija

Sport