Monday, May 13, 2024

Żieda ta’ 22% fin-nefqa turistika ta’ Frar 2023 meta mqabbla maċ-ċifra ġġenerata fl-2019

Aqra wkoll

Il-Ministeru għat-Turiżmu jilqa’ b’sodisfazzjon iċ-ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika marbuta mal-wasliet turistiċi fi Frar ta’ din is-sena fil-Gżejjer Maltin.

F’dan l-istess xahar, il-volumi, l-iljieli mqattgħin f’pajjiżna u n-nefqa turistika ssuperaw ir-riżultati miksuba fl-2019 meta mqabbel mal-istess perjodu; l-aħħar sena li Malta ma kinitx maħkuma minn restrizzjonijiet tal-COVID-19 qabel din is-sena.

In-numru ta’ turisti li ġew f’pajjiżna matul Frar ta’ din is-sena kien ta’ 132,513 turist. Minn aspett ta’ volumi ifisser żieda ta’ 6% fuq l-istess perjodu tal-2019 meta dak iż-żmien ġew 125,198 turist.

In-numru ta’ ljieli li qattgħu t-turisti f’pajjiżna matul dan l-istess xahar kien ta’ 816,220 lejl, żieda ta’ 5.4% fuq l-istess xahar tal-2019 meta f’dak il-perjodu pajjiżna rreġistra 774,589 lejl

B’mod sinifikattiv, in-nefqa turistika matul dan l-istess perjodu telgħet b’mod sostanzjali għal €86,920,000, żieda ta’ 22% meta mqabbla mal-€71,156,00 iġġenerati fl-2019.

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo rrimarka li dawn ir-riżultati jirriflettu l-ottimiżmu u l-fiduċja li hawn fis-settur tal-ospitalità.

“Dawn iċ-ċifri qegħdin juruna kemm il-kwantita u l-kwalità fit-turiżmu jistgħu jimxu id f’id flimkien. Ninsabu determinati biex inkomplu naħdmu sabiex verament nilħqu l-mira tagħna billi negħlbu l-istaġjonalità mis-settur turistiku Malti,” qal il-Ministru Bartolo.

Sport