Sunday, May 5, 2024

Irreġistrata l-ewwel mewt bil-Bird Flu f’Wuhan

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Għaddew aktar minn tliet snin minn mindu nstab il-Covid-19 fil-belt Ċiniża ta’ Wuhan. Il-kwistjoni ta’ kif beda u minn fejn ħareġ dan il-virus qattiel li żvolġa f’pandemija globali, għadha misteru sal-ġurnata tal-llum. L-istess pajjiż – iċ-Ċina – issa ħabbar li kellhom fatalità oħra minn virus. Din id-darba huwa l-H3N8 magħruf aktar bħala l-Bird Flu. Il-Bird Flu kkawżat għall-ewwel darba il-mewt ta’ mara ta’ 56 sena, liema fatalità kienet ikkonfermata mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO).

L-awtoritajiet Ċiniżi qalu li l-mara mill-provinċja tan-Nofsinhar ta’ Guangdong, kienet it-tielet każ ta’ infezzjoni mill-Bird Flu li jafu bihom. Mentri, fil-każ tat-tnejn l-oħra, irriżulta li l-infezzjoni għadditielhom faċilment daqslikieku kkuraw influwenza. Rigward il-każ tal-vittma, id-WHO qal li avolja l-mara mietet kkawża tal-Bird Flu, dawk li kienu qrib tagħha, ma ġewx infettati u għaldaqstant ma kellhomx rapporti ta’ kumplikazzjonijiet.

Fi stqarrija li ppublikaw jumejn ilu, id-WHO serraħ l-imħuħ fejn speċifika li din il-marda ma tinfirix faċilment speċjalment fin-nies għax hija aktar komuni fl-għasafar. Żiedu jgħidu li minn żmien għal żmien ġieli kellhom każijiet ta’ infezzjonijiet fin-nies bil-Bird Flu. Dan minħabba l-fatt li din l-marda tiċċirkola kontinwament f’popolazzjonijiet enormi ta’ tjur u għasafar selvaġġi.

Huwa rrapportat li l-vittma ġiet infettata b’dan il-virus minn suq li kienet fih ftit tal-ħin qabel ma bdewlha s-sintomi. Meta ttieħed kampjun mis-suq, irriżultaw pożittivi għall-influwenza tat-tip A (H3). Minkejja dan, għad ma hemm xejn li juri jekk il-virus ġiex mill-annimali jew inkella maħdum mill-bniedem.

Fl-istess stqarrija qalu li skont huma, “ir-riskju li jinfirex dan it-tip ta’ Bird Flu H3N8 huwa wieħed baxx. Dan kemm fuq il-livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali”. Għad-WHO l-monitoraġġ ta’ din it-tip ta’ virus huwa meqjus bħala importanti minħabba l-kapaċità tiegħu li jevolvi u jikkawżaw pandemija.

Tajjeb li jingħad li s-sitwazzjoni tal-Bird Flu mhiex l-istess f’kull pajjiż. Fi Frar ta’ din is-sena, id-dipartiment tas-saħħa pubblika tal-Istati Uniti osserva aktar minn 6,300 persuna f’aktar minn 50 ġurisdizzjoni esposti għal għasafar u tjur infettati bil-virus H5N1. Hawnhekk, aktar minn 160 persuna wrew sintomi u ġew ittestjati għal influwenza ġdida, dik l-influwenza tat-tip A.

L-istess Influwenza iżda fir-Renju Unit, f’Diċembru tal-2021, laħqet livell fenominali. Il-kap uffiċjal veterinarju tal-pajjiż kien qal li nqatlu għexieren ta’ eluf ta’ tjur f’ammont rekord ta’ rziezet. Dan filwaqt li, f’Jannar tas-sena li għaddiet, il-Gvern Franċiż kien ordna lir-raħħala biex joqtlu total ta’ 2.5 miljun ta’ tjur wara li kien hemm ammont sostanzjali ta’ każijiet ta’ Bird Flu fil-pajjiż.

F’Malta s-sitwazzjoni hija waħda kkontrollata fejn barra t-tilqim li kien ġie offrut mill-Istat, għandna leġislazzjoni li tkopri monitoraġġ, miżuri ta’ prekawzjoni, għarfien u preparazzjoni għar-riskji tal-istess marda.

Sport