F’messaġġ imqanqal li tella’ s-Sindku tal-Marsa fuq is-sit soċjali ta’ Facebook, qal li l-ġlieda tiegħu “mhix kontra l-batut jew il-vittma tas-sitwazzjoni imma kontra min għandu s-saħħa li jaġixxi u qed jonqos.” Josef Azzopardi kiteb dan il-messaġ fid-dawl tan-numru ta’ immigranti li mgħandhomx saqaf fuq rashom u qed jispiċċaw jorqdu fil-ġonna madwar il-Marsa.
Azzopardi kompla jgħid li “mhux li ssalva l-immigrant jgħodd iżda li jkollok pjan ta’ x’se jsir minnhom.” Huwa kompla jgħid li bħalma tintrefa’ r-responsabbiltà biex l-immigranti jiddaħħlu għandha tintrefa’ r-responsabbilta’ biex jingħataw l-għajnuna.
Azzopardi qal li hu qiegħed jaħdem ma’ numru ta’ għaqdiet biex dawn l-immigranti jkollhom saqaf fuq rashom. Huwa qal li meta jkun qed jagħti dan il-kontribut ikun qiegħed jagħmel żewġ affarijiet importanti. L-ewwel ħaġa, jkun qiegħed jagħti dinjità lil dik il-persuna li tkun qed torqod barra “għax ħadd ma jistħoqqlu li jgħix barra.” It-tieni ħaġa tajba li tkun qed issir fil-feham ta’ Azzopardi tkun dik li jipproteġi lir-resident minn xi għawġ li jista’ jiġi għal wiċċhom.
Azzopardi kkonkluda jgħid li hu r-responsabbiltà tiegħu qed jerfagħha u “l-kuxjenza tiegħi nadifa, imma l-awtoritajiet jistgħu jgħidu bħali?”