Friday, December 20, 2024

“Mhux minnu li hemm mijiet ta’ embrijuni li ma jridhom ħadd u se jibqgħu ffriżati”

Id-DPM Chris Fearne

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne warrab il-kritika li saret fl-aħħar jiem minn xi wħud fejn intqal li hemm ħafna embrijuni li baqgħu ffriżati wara l-bidliet li saru fil-liġi tal-IVF lura fl-2018. 

Meta kien qed jitkellem fuq il-programm Paperscan li jixxandar fuq ONE TV, Fearne qal li l-embrijuni ffriżati kollha jridu jiġu użati. Fil-fatt diġà kien hemm 460 embrijun li kien iffriżat u li mbagħad ġew implantati u minnhom kellna 45 tarbija u bħalissa għandna 25 omm li qed jistennew tarbija minn embrijuni ffriżati. 

“Għaldaqstant dan l-argument li hemm xi mijiet ta’ embrijuni li ma jridhom ħadd u li se jibqgħu ffriżati għaldejjem mhux minnu,” qal Fearne. 

Huwa spjega li “llum jekk ikollok tagħmel ċiklu tal-IVF u jkollok numru ta’ bajdiet iffertilizzati, u numru ta’ embrijuni eżempju ħamsa, il-liġi tħallik biss li tpoġġi tnejn ġol-omm. Il-liġi tal-IVF tħalli biss li jiġu implantati żewġ embrijuni biex l-aktar, ikollok twins. L-embrijuni l-oħrajn li jkollok tiffriżahom u terġa’ tmur għalihom, ċiklu ieħor.”

Fearne tenna li min jagħmel l-IVF, jagħmlu għax verament għandu bżonnu. Qal li l-iskop wara l-emendi li tressqu fl-aħħar jiem fil-liġi tal-IVF huwa li jkollna aktar ħajjiet u aktar trabi li jitwieldu. Qal li mindu daħlet il-liġi tal-IVF twieldu 425 tarbija. 

“L-emendi li qed nipproponu se nżidu aktar ċikli tal-IVF, l-età ta’ dawk eleġibbli se titla’ għal 45 sena, se nagħmlu l-proċess kollu mingħajr ħlas u se titneħħa l-affinità bħala ostaklu għad-donazzjonijiet tal-gamiti fost oħrajn,” qal Fearne. 

Huwa fakkar ukoll li l-Oppożizzjoni kienet kontra l-emendi tal-2018. Qal ukoll li “llum qed jgħidu li huma kontra li jsir proċess li jsir PGT-M f’Malta. Però mbagħad qed jgħidu li huma favur dik il-parti tal-liġi li jekk tmur tagħmel il-PGT-M barra minn Malta tista’ ġġib l-embrijuni Malta. Mela qed jgħidu li jekk dan il-proċess tmur tagħmlu barra favurih u jekk tagħmlu Malta kontrih. 

“Ma nistax nifhem dan l-argument. Aħna qed ngħidu li għandna l-faċilità li dawn il-proċeduri jistgħu jsiru Malta. La tgħaddi l-liġi nġibu l-apparat biex fi ftit xhur nkunu nistgħu nagħmluha Malta. Għalfejn trid tibgħat koppji jagħmlu dan il-proċess barra mmilfors? Qed ngħidu li dan jista’ jsir Malta wkoll,” tenna d-DPM.

Ekonomija

Sport