Il-Ministru Grima qal li jinsab kuntent ħafna bir-rata ta’ tilqim fost l-edukaturi u l-istudenti. Huwa kompla jħeġġeġ biex kull min hu eleġibbli jersaq ‘il quddiem u jieħu l-vaċċin u l-booster.
Mistoqsi jekk jikkunsidrawx li t-tilqima kontra l-Covid-19 tkunx waħda obbligatorja għat-tfal, l-edukaturi u kull min għandu x’jaqsam mal-edukazzjoni, il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima qal li fil-preżent żgur mhux qed jikkunsidraw dan.
Huwa qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq programm li xxandar ilbieraħ fuq l-istazzjon nazzjonali.
Il-Ministru Grima qal li jinsab kuntent ħafna bir-rata ta’ tilqim fost l-edukaturi u l-istudenti.
Huwa aċċenna għall-fatt li malli l-vaċċin wasal f’pajjiżna, l-edukaturi ngħataw l-opportunità li jkunu minn ta’ quddiem biex ikollhom aċċess għalih. Osserva l-fatt li dan ġara minħabba n-natura tax-xogħol delikat li wieħed jaħdem.
Tkellem dwar dak li qed jiġri f’ċertu setturi barra minn xtutna fosthom tkellem dwar il-fatt li hemm kampjonati importanti fl-Ewropa fejn il-vaċċinazzjoni se tkun waħda obbligatorja. F’dan ir-rigward huwa qal: “Pero, le, aħna m’aħniex naraw dik it-triq. Ir-realtà hija li pajjiżna għandu rata għolja ħafna ta’ dik li hija vaċċinazzjoni u kien minn ta’ quddiem nett fl-għoti ta’ tilqim u naħseb li n-numri jagħtuna biżżejjed konfort biex inkunu nafu li tista’ tgħid li kważi kulħadd huwa vaċċinat ġewwa l-iskejjel tagħna.”
Żied jgħid: “Issa ovjament, illum il-ġurnata, b’differenza mix-Xitwa li għaddiet, għandna l-fatt li l-vaċċin qed jingħata wkoll lil dawk ta’ età aktar tenera u allura naħseb il-mistoqsija li staqsejtli, il-kwistjoni dwarha tkun riżolta billi nkomplu nħeġġu lil dawk li jikkwalifikaw biex jieħdu l-vaċċin jew il-booster biex jersqu ‘l quddiem biex jipproteġu lilhom infushom, lill-maħbubin tagħhom imma anke l-bqija tal-komunità.”
Clifton Grima ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport fid-29 ta’ Diċembru. Fl-aħħar jiem huwa tkellem ukoll dwar il-fatt li post l-istudenti huwa fl-iskejjel għax l-aħjar edukazzjoni joħduha mill-bankijiet tal-iskola.