Tuesday, May 14, 2024

“Għax mara nistgħu nivvjolentawha… għax mara nistgħu noqtluha”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa llejla fis-6.00 p.m. b’viġilja fl-Exiles għal Paulina Debska

“Isimha huwa Paulina… Hija mara u nqatlet għax hija mara. M’aħniex se ninsew isimha jew isem in-nisa l-oħra li nqatlu qabilha”. Dan huwa l-messaġġ qawwi li l-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa (Women’s Rights Foundation) qiegħda twassal f’kampanja ta’ għarfien u talba għal azzjoni konkreta wara l-qtil ta’ Paulina Debska, il-Pollakka ta’ 29 sena li l-Ħadd filgħodu nstabet maqtula u mitluqa fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema.

Din il-Fondazzjoni ħabbret viġilja għal-lum, 4 ta’ Jannar, fis-6.00 ta’ filgħaxija fejn stiednet lill-pubbliku biex b’xemgħa jingħaqad fl-Exiles ħalli nfakkru lil din il-vittma tal-ewwel femiċidju f’Malta għas-sena 2022.

Dan is-sit ħa kumment mid-Direttur ta’ din il-Fondazzjoni, Dott. Lara Dimitrijevic, li spjegat kif din hija problema tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq il-mara u l-kawża hija l-inugwaljanza bejn is-sessi f’soċjetà fejn hija endemika l-idea li għax persuna hija mara, din tista’ tissawwat, tkun stuprata u saħansitra tinqatel.

Vjolenza lejn il-mara ġġorr magħha l-agħar forom ta’ vjolenza…

Mistoqsija jekk l-età tal-akkużat b’dan il-qtil hiex ta’ tħassib, Dott. Dimitrijevic qalet li, “seta’ kellu età ikbar jew età iżgħar. Il-punt jibqa’ li minkejja l’età li għandu, li f’dan il-każ għandu età żgħira, xorta waħda f’dan il-pajjiż għadna ma indirizzajniex il-kawża ta’ din il-kwistjoni kollha. Nibqgħu nitkellmu fuq ħafna affarjiet ‘għax anke l-irġiel huma vittmi’ imma bir-rispett dovut, mingħajr ma neskludu dan, dejjem jibqa’ l-fatt li vjolenza lejn il-mara ġġorr magħha l-agħar forom ta’ vjolenza”. 

B’reazzjoni għall-kummenti li qiegħda tara online, fejn qiegħed jingħad li l-persuna għandu problemi ta’ saħħa mentali, din l-avukata qalet li, “allaħares kull min għandu problema ta’ saħħa mentali jistupra mara. Il-kwistjoni hija li għad għandna qisu forma ta’ privileġġ li għax inti mara, jiena nista’ ngħamillek hekk u għax inti mara inti kattiva”. 

Hija saħqet li din hija l-kawża tal-problema u “għalhekk nifrustra ruħi ħafna. Allaħares iż-żgħażagħ t’għoxrin sena kollha hekk. Jien stess għandi tifel f’din l-età. Issa kienx intossikat bid-droga, bl-alkoħol, jew kien x’kien, jibqa’ l-fatt li fis-soċjetà tagħna hija endemika li għax mara nistgħu nivvjolentawha… għax mara nistgħu noqtluha”. 

Realtà li rridu niffaċċjaw

Id-Direttur tal-Fondazzoni għad-Drittijiet tan-Nisa spjegat li l-kawża prinċipali hija l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq il-mara u sostniet li kull darba li nitkellmu dejjem jgħidu ‘neskluduha dik il-biċċa fuq il-mara għax imsieken hemm l-irġiel ukoll’ imma hija saħqet li dan m’għandux jibqa’ ssir għax din hija r-realtà u rridu niffaċċjawha.

Dott. Dimitrijevic qalet li l-agħar forma ta’ vjolenza ssir fuq in-nisa fejn “il-persuna saħansitra tkun abbużata sesswalment, li minnu nnifsu diġà huwa reat gravi għax ikisser persuna minħabba li tittieħed id-dinjità kollha tal-vittma u mbagħad ibiċċirha minn sidirha ‘l fuq għax hija mara u joqtolha. Naħseb li dan ir-reat ma jistax ikun aktar makabru u lampanti u dan juri kemm hija endemika l-problema li għandna”.

“Allaħares kull min għandu problema ta’ saħħa mentali jistupra mara” – Dott. Lara Dimitrijevic

Il-fatt li l-persuna arrestata u akkużata b’dan ir-reat għad għandu 20 sena skont Dott Dimitrijevic, turi kemm din il-mentalità qiegħda hemm anke f’etajiet żgħar. “Din l-attitudni kienet hemm u anke rratifikajna konvenzjonijiet fir-rigward fosthom il-Konvenzjoni ta’ Istanbul imma, billi nirratifikaw biex taparsi għamilna xi ħaġa, m’huwiex biżżejjed. M’aħna nagħmlu xejn dwarha. Kollox fuq il-karta u x-xogħol jieqaf hemm,” kompliet din l-attivista għad-drittijiet tan-nisa.

Hija qalet li l-problema hija n-nuqqas ta’ ugwaljanza li għandna fis-soċjetà tagħna u dan iseħħ b’mod inġenerali, kemm bħala soċjetà kif ukoll fuq livell politiku. Huwa għalhekk li fl-opinjoni tagħha, jekk ma nitrattawx lill-mara ugwali daqs raġel, il-problema se tibqa’ hemm. 

“Irid ikollna impenn politiku qawwi fuq kull livell, impenn soċjali u impenn edukattiv. Irridu nibdew minn mindu jkunu żgħar. Minn hekk irridu nibdew u mhux minn ċkunithom lit-tfal indaħħlu l-isterjo tipi tal-ġeneru għax il-bniet bir-roża u bil-pupi u s-subien lanqas jistgħu jibku… bilfors iridu jkunu macho,” temmet bi twissija serja Dott. Lara Dimitrijevic.

Sport