Friday, May 8, 2026

‘Dan huwa mument kbir għalina … ħdimna għalih snin sħaħ u issa wasalna’ – Anton Tabone

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Victoria Hotspurs kisbu l-promozzjoni għall-BOV Challenge League wara rebħa importanti ta’ 2-1 kontra Mqabba fil-Victor Tedesco Stadium fil-Hamrun fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, f’partita li mhux biss ikkonfermat is-suċċess tagħhom iżda wkoll ttemm staġun twil, impenjattiv u mimli emozzjoni għall-klabb Għawdxi.

Din ir-rebħa kienet il-qofol ta’ kampjonat estremament bilanċjat, fejn diversi timijiet kienu għadhom fil-ġlieda għall-promozzjoni sal-aħħar ġurnata.

Għall-Hotspurs, din il-logħba kienet ukoll test mentali importanti. Huma kienu ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi kontra Mellieħa u Senglea Athletic rispettivament, timijiet li kienu qed jissieltu biex ma jaqgħux.

Madankollu, il-plejers ta’ Victoria daħlu fil-partita determinati li ma jħallux l-opportunità tgħaddi minn idejhom.

Il-logħba bdiet b’intensità għolja, biż-żewġ naħat jippruvaw jikkontrollaw nofs il-grawnd.

Fid-39 minuta, Victoria Hotspurs fetħu l-iskor meta l-captain Ferdinando Apap ipprova xutt li laqat il-lasta, iżda r-rebound sabu lest mill-ewwel biex xeħet ġewwa u ta vantaġġ meritat lit-tim Għawdxi.

Fit-58 minuta wasal it-tieni gowl li rriżulta kruċjali għall-andament tal-logħba. Christian Mercieca, wara assist preċiż minn Christian Ebisindor Saint, ħa xutt imkaxkar li għeleb lill-goalkeeper Mario Bartolo u għamel l-iskor 2-0. Dak il-mument deher li Victoria kienu qed jikkontrollaw kompletament il-logħba u kienu viċin li jissiġillaw il-promozzjoni.

Madankollu, Mqabba ma qatgħux qalbhom. Fis-70 minuta huma spiċċaw jilagħbu b’għaxar plejers meta Christian Joseph Degabriele tkeċċa wara żewġ karti sofor, sitwazzjoni li kkumplikat aktar il-ħidma tagħhom. Minkejja dan, fis-77 minuta kisbu penalty wara cross ta’ Andres Tenorio Viveros li laqat id ta’ difensur ta’ Victoria Hotspurs. Luka Mijic ikkonverta mill-11-il metru u naqqas id-distakk għal 2-1, u reġa’ fetaħ il-partita.

L-aħħar minuti kienu mimlija tensjoni, b’Mqabba jagħfsu biex isibu l-gowl tad-draw, iżda Victoria Hotspurs li żammew organizzazzjoni u kalma biex iddefendew ir-riżultat sal-aħħar suffara. Meta r-referee Vladimir Rizhoski saffar tmiem il-logħba, bdew iċ-ċelebrazzjonijiet kbar tal-plejers, staff u partitarji tal-Hotspurs.

Il-mument simboliku tal-lejla wasal meta l-viċi-president tal-MFA Adrian Casha ppreżenta l-memento lill-captain Ferdinando Apap, li għolla t-trofew quddiem il-partitarji akkaniti tat-tim Għawdxi.

Wara l-logħba, Anton Tabone tkellem ma’ dan is-sit elettroniku dwar staġun li kien wieħed mill-aktar diffiċli iżda wkoll wieħed mill-aktar sodisfaċenti fl-istorja riċenti tal-klabb. Huwa saħaq li l-iskwadra għaddiet minn mumenti ta’ tlugħ u nżul tul l-istaġun kollu, iżda fl-aħħar irnexxielhom jilħqu l-għan tagħhom.

“Naħseb li l-qalb ttestjajnieha wisq dan l-istaġun. Kien kampjonat iebes u bilanċjat ħafna dak tal-BOV Amateur League 1. Konna nafu li kull logħba kienet se tkun finali. Kellna l-kompetizzjoni minn diversi timijiet, imma aħna emminna fina nfusna u qatt ma ċedejna,” qal Tabone.

Huwa żied jgħid li l-klabb dejjem baqa’ viċin il-quċċata tal-klassifika u qatt ma naqas mill-ġlieda għall-promozzjoni. “Konna dejjem hemm fit-tieni post jew viċin. Il-promozzjoni ma kinitx faċli, iżda kienet mistħoqqa,” kompla jgħid.

Tabone spjega wkoll li dan is-suċċess huwa frott ta’ viżjoni fit-tul u mhux riżultat ta’ staġun wieħed biss. Huwa qal li l-klabb ilu jaħdem għal dan il-mument għal snin sħaħ u issa qed jibda jara l-frott ta’ dak ix-xogħol.

“Aħna applikajna mhux biss biex nipparteċipaw, iżda biex niġu promossi. Din kienet il-mentalità tagħna. Issa li wasalna hawn, irridu nkomplu nibnu fuqha,” qal.

Huwa semma wkoll li l-klabb se jkun qed jilgħab fil-BOV Challenge League l-istaġun li ġej u li l-ambizzjoni hija li jkomplu jitilgħu gradwalment fis-sistema tal-futbol Malti. “Se nkunu fil-BOV Challenge League u rridu nkunu kompetittivi. L-ambizzjoni tagħna tibqa’ għolja,” żied jgħid.

Tabone ma naqasx milli jagħti kreditu lill-plejers u lill-istaff tekniku. Huwa saħaq li d-dedikazzjoni tagħhom kienet fundamentali. “Dawn il-plejers ħadmu qatigħ u baqgħu magħqudin anke meta l-affarijiet ma kinux sejrin tajjeb. Il-kumitat u t-team manager Marvin Buttigieg kienu wkoll kruċjali.”

Huwa rringrazzja wkoll lill-partitarji li baqgħu jappoġġjaw lit-tim anke f’mumenti diffiċli. “Il-partitarji tagħna huma inkredibbli. Baqgħu magħna anke meta l-affarijiet ma kinux sejrin sew u kienu parti kbira minn dan is-suċċess.”

Fl-istess ħin, Tabone semma r-rwol tal-MFA u tal-uffiċjali tal-logħba, fejn qal li b’mod ġenerali l-livell tar-refereeing kien wieħed pożittiv matul l-istaġun.

“Meta nkunu oġġettivi, irridu ngħidu li l-kontroll tar-referees huwa tajjeb. Hemm xi deċiżjonijiet diffiċli xi kultant, iżda b’mod ġenerali qed isir xogħol professjonali,” qal.

Il-promozzjoni tal-Victoria Hotspurs għall-BOV Challenge League tfisser pass storiku għall-klabb Għawdxi li ilu snin jibni reputazzjoni soda fil-futbol lokali. Issa, wara snin ta’ suċċess fil-kampjonati Għawdxi, il-klabb daħal f’kapitlu ġdid fil-futbol Malti.

“Dan huwa mument kbir għalina. Ħdimna għalih snin sħaħ u issa wasalna. Issa rridu ngawduh iżda wkoll inħarsu ’l quddiem,” temm jgħid Anton Tabone.

B’dan is-suċċess, Victoria Hotspurs mhux biss kisbu promozzjoni, iżda wkoll wrew karattru, konsistenza u viżjoni li jistgħu jibqgħu jibnuhom bħala forza kompetittiva fil-futbol Malti fis-snin li ġejjin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport