Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi għall-futbol tista’ tgħid bdiet meta kelli tliet snin meta kont tlabt lil ommi biex tibda teħodni għat-taħriġ tal-futbol. Imbagħad kont bdejt nittrenja ma’ Qormi FC meta għalaqt erba’ snin.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Attard FC.
Ma’ Attard FC sibt it-tieni familja tiegħi! Hemmhekk inħossni ‘home’ għax diġá kont qattajt disa’ snin fin-nursery u kbirt hemmhekk. Prattikament jiena rajt lil Attard FC jevolvi minn klabb bil-limitazzjonijiet tiegħu għal wieħed bi struttura tajba ħafna. Hemm coaching staff il-vera professjonali, kumitat b’nies mill-aqwa, ħabrieka u verament iħobbu l-klabb, u president li huwa raġel ta’ rispett kbir u tista’ tgħid iddedika ħajtu kollha għall-klabb.
Niġu issa għall-punt. X’tikkummenta fuq il-fatt li fil-jiem li għaddew bħala Attard FC ksibtu l-promozzjoni għaċ-Challenge League bħala Champions tan-National Amateur League 1?
L-ewwel nett ninsabu sodisfatti ħafna li rbaħna l-Kampjonat u ksibna l-promozzjoni b’mod konvinċenti. Il-klabb għandu proġett interessanti ħafna u qegħdin inħarsu ‘l quddiem biex inkomplu niksbu riżultati pożittivi u nkomplu ngħollu l-isem ta’ Attard FC ‘il fuq kemm nistgħu!
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-futbol Malti dejjem kull staġun qed iżid fil-livell f’kull diviżjoni, mill-ogħla sal-iktar baxx.
U dak tar-rizorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Ir-riżorsi wkoll dejjem qegħdin jipprogressaw permezz ta’ investimenti li qegħdin isiru. Issa li ilni nilgħab ‘senior football’ għaxar snin nista’ nghid li l-qabża ‘l quddiem kienet waħda kbira.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? Għad narawk kowċ ‘il quddiem?
Bħalissa, il-focus tiegħi qiegħed li ngħin kemm jista’ jkun lil Attard FC biex inġibu l-aqwa riżultati lejn il-klabb. Inkun onest għadni qatt ma kelli xi ħajra għall-kowċing, iżda ovvjament, fil-ħajja qatt ma tista’ teskludi xejn!
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Ovvjament, jien inħeġġeġ lil kull min iħobb il-futbol biex jibqa’ dedikat lejn l-isport, ikun xi jkun il-livell li jilgħab fih. Il-futbol apparti li huwa sport mill-isbaħ u jżommok f’saħħtek, ilaqqgħek ma’ nies minn kull fergħa tas-soċjetá u jgħallmek it-tagħlim tal-ħajja fosthom dawk tad-dixxiplina u r-rispett.


