Saturday, December 21, 2024

“Mhux se jkun possibbli li tagħżel il-vaċċin … it-tir huwa li nlaqqmu kemm jista’ jkun nies b’mod sigur”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Tas-Saħħa Chris Fearne qal li fis-sigħat li ġejjin mistennija tiġi approvata t-tieni tilqima tal-Covid-19, Malta se jkollha għad-dispożizzjoni tagħha t-tieni vaċċin approvat għall-użu.

Huwa ħabbar li pajjiżna għandu ordnati mal-100,000 doża ta’ dan il-vaċċin flimkien mas-670,000 doża ordnati mingħand il-Pfizer, f’total ta’ 770,000 doża. Ma’ dawn pajjiżna għandu diġà ordanti dożi oħrajn mingħand kumpaniji li għad iridu jiġu approvati fosthom l-AstraZeneca.

Fearne qal li b’mod responsabbli, qed jiġu riżervati t-tieni dożi biex kulħadd ikollu l-opportunità li jieħu l-kors sħiħ tat-tilqima. Bejn l-ewwel u tieni doża tal-Pfizer ikun hemm tliet ġimgħat, filwaqt li l-Moderna tingħata fuq żewġ dożi wkoll b’erba’ ġimgħat bogħod bejn l-ewwel u t-tieni waħda.

Il-Ministru kkonferma li “fl-ewwel ġimgħa ta’ tilqim se nkunu tajna kważi 1,400 doża, it-tieni ġimgħa tlajna għal 4,000 doża, fit-tielet ġimgħa tlajna għal 8,200 doża, fir-raba’ ġimgħa nkunu tlajna għal 16,000 doża u sal-aħħar ta’ Jannar inkunu tajna 21,000 doża tal-vaċċin. Sal-aħħar ta’ Marzu Malta se tkun irċeviet mingħand il-Pfizer u l-Moderna 95,000 doża. Sal-aħħar ta’ Ġunju nkunu rċevejna 290,000 doża/ Sal-aħħar ta’ Settembru nkunu rċevejna 500,000 doża u sal- aħħar tas-sena 770,000 doża li għandna ordnati mill-Pfizer u l-Moderna.”

Minn nofs Mejju se tinħareġ notifika li tasal fid-djar kollha f’Malta u Għawdex lil dawk il-persuni li mhumiex meqjusa bħala vulnerabbli fejn ikollhom stedina għal appuntament għal ġranet u x-xhur ta’ wara biex b’hekk ikunu jistgħu huma wkoll jirċievu t-tilqilma lill-poplu Malti u Għawdxi. Fearne żied jgħid li hemm loġistika biex jingħataw sa 10,000 tilqima kuljum.

It-tliet fatturi li wasslu għal żieda fil-każi

Nuqqas ta’ dixxipplina fi żmien il-festi. Huwa qal li dak li sar wara bibien privati se jkun qiegħed jikkontribwixxi.

It-temperatura. Fearne qal li dan il-virus huwa wieħed staġjonali u li bħalma ġara f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja, f’pajjiżna t-temperatura tbaxxiet u dan jikkontribwixxi għal żieda fl-infezzjonijiet.

Il-varjant tal-Covid-19 li nstab fir-Renju Unit u li issa jidher li kompla jinfirex. Huwa qal li minkejja li jidher li mhuwiex aktar qawwi mill-virus oriġinali dan jibqa’ wieħed mill-fatturi li qed jirriżulta f’żieda.

Il-każi ġodda li qed nirrappurtaw illum ifisser li se jkollna żieda ta’ aktar nies li jidħlu l-isptar, fl-ITU u sfortunatament aktar imwiet

Min-naħa tagħha s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li Importanti li sakemm ikollna herd immunity nibqgħu nsegwu l-miżuri ta’ mitigazjoni. Hija qalet li ma jistax ikollna din ir-rata għolja ta’ infezzjonijiet u b’hekk min iħoss xi sintomi għandu jevita li jkollu kuntatt ma’ persuni oħra u fejn ikun hemm bżonn isir kuntatt mal-111 għal stuzzjonijiet professjonali.

Gauci żiedet tgħid li l-każi ġodda li qed nirrappurtaw illum ifisser li se jkollna żieda ta’ aktar nies li jidħlu l-isptar, fl-ITU u sfortunatament aktar imwiet.

Hija qalet li dawn il-vaċċini huma approvati minn xjentisti esperti u li b’hekk huma siguri biex jingħataw lill-pubbliku.

L-iskejjel

Rigward l-Edukazzjoni, Charmaine Gauci qalet li bħalma morna tajjeb ħafna fl-ewwel xhur, se jiżdiedu l-mezzi ta’ mitigazzjoni biex l-iskejjel jibqgħu jiffunzjonaw. Hija appellat lill-ġenituri u lill-istaff biex kull min ikun ma jiflaħx jevita li jmur l-iskola biex b’hekk inkunu qed nipprevjenu kemm jista’ jkun mit-tifrix tal-virus.

“Mhux se jkun possibbli li tagħżel il-vaċċin … it-tir huwa li nlaqqmu kemm jista’ jkun nies b’mod sigur”

Rigward l-għażla bejn iż-żewġ tilqimiet, il-Ministru qal li sakemm jitlaqqmu l-frontliners kollha u l-persuni vulnerabbli kollha se jkunu qed jirċievu l-appuntament huma u s’issa jidher li m’hemm l-ebda differenza għajr id-dewmien bejn iż-żewġ dożi. Intant huwa għamilha ċara li mhux se jkun possibbli li persuna tagħżel liema tilqima tingħata.

12:00 p.m: Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne se jkun qiegħed jagħmel konferenza tal-aħbarijiet bl-aħħar żviluppi b’rabta mal-proċess tat-tqassim tal-vaċċin tal-Covid-19.

Għall-ħabta tas-1:00 p.m huwa mistenni jagħti l-aħħar dettalji dwar dan il-proċess, deskritt mill-President tar-Repubblika George Vella bħala “t-tama kontra l-virus tal-Covid-19”.

Il-Proċess tat-tilqim beda fis-27 ta’ Diċembru li għadda meta l-infermiera Rachel Grech mis-sezzjoni tal-Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei ngħatat l-ewwel doża tat-tilqima.

Ekonomija

Sport