Sunday, December 22, 2024

“Mhux se nħallu nies jaħsbu li l-proprjetà tal-Istat hi b’xejn u jagħmlu li jridu biha”

Il-Ministru Roderick Galdes

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes iddikjara fil-Parlament li fl-aħħar erba’ snin nħolqu kullana ta’ inizjattivi bil-għan li jissaħħaħ il-prinċipju li l-housing hu dritt fundamentali tal-bniedem. Madankollu, saħaq li dan ma jfissirx li hu dritt li bilfors ikollok post tal-istat.

Waqt id-diskussjoni b’rabta mal-estimi finanzjarji tal-Awtorità tad-Djar għas-sena 2021, il-Ministru Galdes irrikonoxxa li għadnu dritt li persuna jkollha saqaf fuq rasha u li l-Istat jagħti l-għajnuna kollha biex ikollok l-akkomdazzjoni neċessarja. 

“Però ħafna drabi hemm min jinterpretaha li għandhom dritt li bilfors ikollok post tal-Gvern u jekk jista’ jkun ukoll b’xejn,” kompla jgħid il-Ministru filwaqt li saħaq li din in-narrattiva rridu nimxu kontra tagħha. 

“Qed inbiddlu l-perċezzjoni f’dan il-qasam mhux bil-kliem imma bil-fatti. Fil-fatt dan il-Ministeru huwa ddedikat ukoll għal akkomodazzjoni affordabbli li jmiss lil kulħadd mhux biss dawk meqjusa l-aktar vulnerabbli. 

“Qed nifhmu li hemm faxxa ta’ nies fin-nofs li kien ilhom minsija għal għexieren ta’ snin minn diversi gvernijiet u għandhom aspirazzjonijiet li jiksbu l-indipendenza tagħhom ukoll,” tenna l-Ministru Galdes.

Qal li kien għalhekk li f’Jannar tal-2020 tnediet l-ewwel Fondazzjoni tal-Akkomodazzjoni Affordabbli b’ħidma konġunta mal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Qal ukoll li dalwaqt se jibda x-xogħol biex tiġi rijabilitata proprjetà f’Ħal Kirkop li tiġi kkonvertita f’units ta’ akkomodazzjoni affordabbli.

Huwa spjega li l-2021 kienet sena rekord għal investiment li qed tagħmel l-Awtorità tad-Djar fi skemi ta’ affordabilità bħalma huma l-benefiċċju tal-kera f’kirjiet residenzjali privati. 

Dwar l-iskema tal-equity sharing, huwa qal li jistgħu japplikaw għaliha dawk li għandhom aktar minn 30 sena u qed issir ħidma biex ‘il quddiem titniżżel ukoll għal dawk li għandhom minn 25 sena ‘l fuq.

Il-Ministru Galdes tkellem ukoll dwar ir-riforma fil-kirjiet ta’ qabel l-1995 u enfasizza kif filwaqt li ħaddieħor kien jibża’ jintervjeni fuq riforma bħal din, dan il-Gvern resaq ‘il quddiem bi proposti konkreti u intervjena. Tenna li “diġà għandna 200 familja li l-Istat qed iħallsilha kirja aġġustata.”

Finalment, huwa għamilha ċara li mhu se jħallu lil ħadd li jaħseb li l-proprjetà tal-Istat hi b’xejn u jagħmlu li jridu biha. Fil-fatt, is-sena li għaddiet, l-Awtorità tad-Djar ġabret 80 ċavetta minn persuni li kienu qegħdin jabbużaw minn akkomodazzjoni soċjali tal-gvern.

Huwa temm jgħid li: “Qegħdin nitkellmu fuq estimi li llum fl-assjem tagħha l-investiment tal-housing ilaħħaq madwar €30 miljun, somma bla preċedent fl-istorja ta’ pajjiżna. Illum ukoll nistgħu niġu quddiem il-Parlament bl-inqas ammont ta’ persuni fuq il-lista ta’ stennija għall-housing – 1,300.” 

Ekonomija

Sport