Saturday, October 26, 2024

“Mhux se nitfgħu piżijiet ġodda fuq il-komunità kummerċjali jew fuq il-konsumatur”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Se naraw li dan jerġa’ jkun budget ieħor soċjali. Fi żminijiet bħal dawn l-aktar ħaġa importanti hi l-koeżjoni soċjali u li ħadd ma jaqa’ lura. Nifhem li l-isfida tal-għoli tal-ħajja tibqa’ hemm.

“Però meta wieħed iqis kollox, il-mod kif se ngħinu lil min jiflaħ l-inqas, il-mod kif se nissalvagwardjaw l-interessi ta’ pajjiżna, naħseb li f’dan il-pajjiż għandna biex inħossuna li qed nagħmlu xi ħaġa li pajjiżi kbar mhux jagħmlu.

“Bil-limitazzjonijiet kollha tagħna, u minkejja l-isfidi kollha, id-daqqa li minħabba ħaddieħor qiegħda tiġri, f’dan il-pajjiż se nkunu mminimizzajnieha bil-kbir. Dan jawgura tajjeb għall-quddiem.”

Iddikjara dan il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana waqt li kien qed jindirizza laqgħa tal-MCESD b’rabta mal-ħidma li għaddejja dwar il-budget għas-sena d-dieħla. 

Huwa stqarr li jemmen li kif irnexxielna noħorġu mill-pandemija tal-Covid-19, fis-snin li ġejjin filwaqt li pajjiżi oħra se jbatu, l-ekonomija Maltija se tirranka u tkompli miexja ‘l quddiem.

Il-Ministru Caruana qal ukoll li minkejja l-għajnuniet kollha li ta dan il-Gvern, il-finanzi tal-pajjiż għadhom tali li d-dejn pubbliku għadu taħt is-60%. Tenna li issa u għaż-zmien li ġej, qed jistmaw li d-dejn tal-pajjiż jibqa’ fil-livell ta’ madwar 60%. 

Huwa qal ukoll li “mhux nara għalfejn it-tassazzjoni f’dan il-pajjiż għandha tiżdied. Dan għandu jserraħ moħħ kull investitur li bl-ebda mod mhu se nitfgħu piżijiet ġodda fuq il-komunità kummerċjali jew fuq il-konsumatur.” 

Dwar il-COLA, il-Ministru Caruana qal li din mistennija tkun ta’ bejn €9 u €10 fil-ġimgħa. Qal li kieku l-Gvern ma ntervjeniex u ssussidju l-prezz tal-fjuwils u tal-enerġija fost oħrajn, il-kumpens għall-għoli tal-ħajja kien ikun ta’ €25 fil-ġimgħa.

“Liema intrapriża tiflaħ daqqa bħal dik? Ħadd. Dak li qed nagħmlu, qed nagħmluh għax jagħmel sens ekonomiku. Mhux se nkunu aħna li naqtgħu nifisna l-ewwel. Dan in-nifs irid ikompli jinżamm. Billi tkompli ċ-ċertezza li qed nagħtu fis-settur tal-enerġija fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.”

Il-Ministru Caruana tenna li għal li ġej, filwaqt li jibqgħu jingħataw l-għajnuniet, id-defiċit tal-pajjiż irid jinżamm taħt kontroll. Fl-istess ħin, il-Gvern se jkompli jara kif jipprijoritizza l-infiq tiegħu u jkun aktar effiċjenti.

Tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul li qal li bħala Gvern ma jiddejqux jiddiskutu dwar dak li se jkun qed isir, kif se jibqgħu jkunu ta’ appoġġ għall-ħaddiema u min iħaddem u kif se jkomplu jkunu attirati aktar investimenti ġodda lejn pajjiżna.

Proposta ewlenija li għandha tiġi diskussa, kompla jgħid is-Segretarju Parlamentari Ellul, hi dik li l-MCESD tinbidel f’awtorità. Qal ukoll li se jiddiskuti mal-imsieħba soċjali fuq miżuri għall-iffrankar tal-enerġija anke fil-kuntest ta’ dak li qed jiġri internazzjonalment.

Preżenti għal-laqgħa tal-bieraħ kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja. 

Sport