Monday, April 22, 2024

“Mhux se nittollera dak it-tip ta’ lingwaġġ li kkawżali ħafna biża’” 

Rosianne Cutajar tgħid li ħassitha mhedda b’kummenti ta’ Mark Camilleri fuq Facebook

Aqra wkoll

Id-Deputata Laburista Rosianne Cutajar iddikjarat fil-Qorti li ħassitha mhedda meta l-awtur Mark Camilleri fuq Facebook qalilha li se jsir “l-agħar ħolma tagħha” sakemm ma titlaqx mill-politika. 

Cutajar kienet qiegħda tixhed f’seduta tad-Distrett ta’ Ħal Qormi hekk bdew il-proċeduri kriminali kontra Camilleri li jinsab mixli li heddidha jew insulentaha b’mod li qabeż il-limiti tal-provokazzjoni.

Fuq il-pedana tax-xhieda, Cutajar qalet li: “Naċċetta ħafna kritika, ħafna minnha inġusta, imma f’dan il-każ ma stajtx nonqos milli naġixxi għax jekk din il-persuna tħossha komda li theddidni fil-miftuħ, tista’ tagħmel l-istess ma’ nies oħra. M’inix se nittollera dan it-tip ta’ lingwaġġ, li kkawżali ħafna biża’.”

L-Avukat Joseph Mizzi, li deher għall-imputat, staqsa lix-xhud x’theddid kien hemm fil-post li tefa’ Camilleri. “Il-post kollha hi theddida, iżda fuq kollox il-parti fejn jgħid li ‘se nsir l-agħar ħolma tiegħek’,” wieġbet Cutajar.

Dr Mizzi staqsieha wkoll jekk tħossx li l-post fuq Facebook kinitx malafamanti, iżda dlonk intervjena l-Avukat Difensur Edward Gatt li sostna li dan ma kienx każ ta’ malafama. 

Madankollu, meta mistoqsija mill-Qorti, Cutajar reġgħet tenniet li ħassitha mhedda.

Il-kawża, li qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Simone Grech, tkompli f’Jannar li ġej.

Sport