Sunday, December 22, 2024

“Mhux xi bakketta maġika li permezz tiegħu l-problema se tonqos jew tieqaf teżisti”

Il-Ministru għall-Intern isostni li l-ftehim dwar l-ażil u l-immigrazzjoni mhux se jwassal għal soluzzjonijiet fl-UE

Aqra wkoll

“Min qed ipinġi dan il-ftehim bħala s-soluzzjoni tal-immigrazzjoni ser ikollu jwieġeb liċ-ċittadini Ewropej u Maltin ftit tax-xhur oħra meta r-realtà tkun differenti”. Iddikjara dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri fl-ewwel reazzjoni tiegħu hekk kif in-negozjaturi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill qablu bejniethom dwar il-forma finali ta’ ħames regolamenti separati tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxu kif għandu jinqasam l-flussi tal-ażil u tal-migrazzjoni fost l-istati membri u x’għandu jsir f’każijiet ta’ kriżi migratorja f’daqqa. Camilleri qal li l-patt tal-ażil huwa attentat ta’ kompromess bejn min ilu jsofri minn din il-problema u min m’għandux interess li jassisti b’mod tanġibbli primarjament b’rilokazzjoni. Qal li ċertament li dan il-ftehim mhux xi bakketta maġika li permezz tiegħu din il-problema ser tonqos jew tieqaf teżisti. 

“Filwaqt li l-Patt isaħħaħ is-solidarjetà bejn il-pajjiżi, hemm diversi istanzi fejn ser jiżdied il-piż fuq pajjiżi ta’ fruntiera bħal Malta. Għaldaqstant il-Patt la joffri bilanċ bejn responsabbiltà u solidarjetà, u lanqas ħa jagħti serħan il-moħħ li l-bżonnijiet tal-Istati membri tal-fruntiera ħa jkunu indirizzati b’mod sħiħ.

“Malta ma stennietx il-Patt biex introduċiet politika aktar ġusta tal-immigrazzjoni kemm ma’ dawk li ħaqqhom l-għajnuna iżda wkoll ma dawk li jabbużaw mis-sistema. Tant hu hekk li din is-sena ġew ritornati persentaġġi rekord lejn il-pajjiż tal-oriġinu meta mqabbel mal-wasliet. 

Ir-regoli jirregolaw ukoll kif jiġu ttrattati n-nies li jaslu fil-fruntieri esterni tal-UE, l-ipproċessar tat-talbiet għall-ażil, u l-identifikazzjoni ta’ dawk li jaslu.

Il-migrazzjoni kienet it-tħassib ewlieni mqajma miċ-ċittadini madwar l-Unjoni fl-elezzjonijiet 2019. It-twettiq ta’ dan il-pakkett qabel tmiem din is-sena huwa klassifikat bħala suċċess kbir għaċ-ċentru kostruttiv pro-Ewropew qabel l-elezzjonijiet fl-Unjoni Ewropea.

Ekonomija

Sport