Tuesday, May 14, 2024

Muscat jitlob lill-Qorti biex tordna li jingħata kopja oriġinali ta’ rikors imressaq mill-għaqda Repubblika

Aqra wkoll

Permezz tal-avukati tieghu Vince Galea u Charlon Gouder, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qed jitlob lill-Qorti biex tordna li jinghata kopja oriġinali tar-rikors imressaq mill-għaqda Repubblika fl-2019 u li permezz tiegħu nfetħet l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.

F’seduta fil-Qorti t-Tlieta 19 ta’ Diċembru quddiem l-Imħallef Doreen Clarke instema’ l-appell imressaq minn Muscat dwar digriet mogħti x-xahar li għadda u li permezz tiegħu l-Qorti ma laqgħetx talba li dan ir-rikors isir pubbliku.

L-avukat Vince Galea spjega illi Muscat irid li jkollu l-aħjar prova f’idejh u dan huwa dak li jikkostitwixxi d-dokument li qed jitlob u huwa għalhekk li għandha tkun awtorizzata l-produzzjoni tiegħu quddiem il-Qorti. F’dan kollu m’hemmx sigrieti professjonali. 

L-avukat Galea spjega illi l-Avukat tal-iStat qed jgħid li d-dokument ma ngħatax għax ma jikkonċernax lil Muscat. L-avukat Galea saħaq li jekk isir dikjarazzjoni mill-Avukat tal-iStat li isem l-eks Prim Ministru ma kienx fit-talba oriġinali li saret minn Repubblika lill-Maġistrat inkwirenti, l-appell jieqaf hawn.

“Bid-deċiżjoni li ħadet il-Qorti li Muscat jiġi mcaħħad milli jkollu r-rikors imressaq minn Repubblika qed isir preġudizzju irriversibbli kontra tieghu,” qal l-avukat Galea. Żied li l-Avukat tal-iStat qed joġġezzjona li dan ir-rikors isir pubbliku waqt li fl-istess ħin il-Magistrat inkwerenti, l-għaqda Repubblika u l-Qorti kollha jafu x’fih. Huwa biss Muscat li ma jafx x’fih meta jrid iressqu bħala l-aħjar prova. L-avukat Galea qal li riżultat ta’ dan kollu, se nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn Muscat jiġi akkużat li ma ressaqx l-aħjar prova. 

L-avukat Galea spjega illi huwa jaqbel mal-Avukat tal-iStat li huma erbgħa l-persuni imsemmija fir-rikors ta’ Repubblika bħala prinċiparjment suspettati iżda staqsa jekk hemmx min huwa sekondarjament suspettat. Żied li l-fatt li jissemmew suspettati prinċipali ma jagħtihx ic-ċertezza li hemm bżonn. Huwa propju għalhekk li Muscat irid li jingħata kopja oriġinali tar-rikors imressaq minn Repubblika fl-2019 u li permezz tiegħu nfetħet l-inkjesta.

L-avukat Galea qajjem ukoll punt fuq dak li ddikjara fil-Qorti l-President ta’ Repubblika, Robert Aquilina fis-sens li l-Imħallef Clarke, li quddiemha qed jinstema’ l-appell, fl-2019 meta kienet għadha Maġistrat irċeviet it-talba biex issir l-inkjesta u sabet li hemm bażi biżżejjed biex tinfetaħ l-istess inkjesta. L-avukat ta’ Muscat qal li jistenna li l-Imħallef Clarke tagħmel xi forma ta’ dikjarazzjoni dwar dan il-fatt.

Deċiżjoni dwar it-talba li qed jagħmel Muscat se tinghata fid-9 ta’ Jannar.

Sport