Saturday, November 23, 2024

Michel Barnier jinsisti li għadu possibbli li jsir ftehim dwar Brexit

Aqra wkoll

Il-kap tan-negozjati tal-Unjoni Ewropea dwar Brexit, Michel Barnier qal li xorta għadu possibbli li jintleħaq ftehim għal wara Brexit bejn l-Ingilterra u l-Unjoni Ewropea. 

Hu wera li hemm ċans ta’ flessibbiltà dwar punti ewlenin fit-taħditiet li qegħdin isiru. F’seminar online li sar ilbieraħ, Barnier qal li t-tim tiegħu kien ħerqan biex jaħdem fuq qafas kredibbli u operattiv li jkun fuq livell indaqs mal-qbil li talbet l-Unjoni Ewropea fil-ftehim. 

Il-grupp Ewropew irid li l-Ingilterra taqbel ma’ allinjament bejn iż-żewġ naħat dwar regoli ta’ għajnuniet mill-istat, l-ambjent u d-drittijiet tal-impjieg biex min-naħa l-oħra jkollha aċċess għoli għas-suq wieħed. 

Madankollu, l-Ingilterra argumentat li ma ġewx imposti kundizzjonijiet simili fil-ftehim kummerċjali li l-Unjoni Ewropea qiegħda tagħmel ma’ pajjiżi bħall-Kanada u l-Ġappun. 

Barnier qal li f’dan il-punt jinsabu lesti biex jaħdmu fuq ċerti puniti fejn kien hemm diverġenza, bħall-każ tas-sajd, tal-governanza u kwistjonijiet oħra simili. Saħaq li l-Unjoni Ewropea lesta tilħaq kompromess, iżda mhux għall-prezz li tagħmel ħsara lis-suq waħdieni. 

Hu wissa li l-livell indaqs fis-suq waħdieni mhux għall-bejgħ għax dan hu parti kruċjali fil-mudell kummerċjali Ewropew u għalhekk l-Ewropa tirrifjuta li tagħmel kompromessi dwar dan biex tibbenefika l-ekonomija Ingliża. 

Sport