Wednesday, March 27, 2024

Michela Zammit Cordina b’unur iġġorr il-bandiera Maltija fil-Belġju

Aqra wkoll

Kif għażilt il-basketball fost tant sport ieħor?

Tajjeb li nibda billi ngħid li ommi u missieri ħaduni nipprova diversi sport differenti. 

Għadni niftakar li ta’ etá żgħira kont mort nara l- kuġin tiegħi jilgħab il-basketball u tant kemm kont ħadt gost, li tħajjart nibda nittrenja. Wara ftit ġimgħat nilgħab dan l-isport, kont naf li huwa l-isport għalija

Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-istudju tiegħek, u mat-taħrig u l-logħob li jkollok ma Starlites? 

Personalment naħseb li din hija waħda mill-ikbar sfidi, minħabba li  sakemm issib u tqassam il-ħin tkiddek naqra. 

Minn meta kont żgħira ommi u missieri kienu jgħiduli li huwa importanti ħafna li fil-ħajja nsib bilanċ bejn studju u sport. 

Għalija dawn huma żewġ affarijiet ferm importanti f’ħajti. Sfortunatament ġurnata fiha 24 siegħa biss, u jekk tikkalkula kemm suppost ikollha rqad atleta, tispiċċa b’ħafna inqas sigħat f’idejk. 

Bħala studenta sibtha iktar faċli li naħdem naqra iktar dawk is-sagħtejn bil- lejl sabiex imbagħad ikolli ċans nittrenja u nilgħab. 

Li nħobb nagħmel huwa li nippjana l-ġurnata tiegħi b’dak kollu li nkun irrid nistudja u nittrenja, ħalli nkun naf x’għandi nagħmel u nipprova naħli ħin mill- inqas. 

Kif iddeċidejt li tħalli pajjiżna u tmur tilgħab barra minn xtutna fil-Belġju?

Bħal dan iż-żmien sena ilu, kont applikajt mal-Universitá ta’ Malta sabiex nagħmel ftit xhur nistudja barra minn xtutna. 

Meta ġejt aċċettata sabiex nistudja ġewwa l- Belġju, kont naf mill-ew­wel li xtaqt nuża din l-esperjenza mil-lat ta’ basketball ukoll. 

Għaldaqstant, bl-għaj­nuna ta’ Starlites Basketball Club, din il-ħolma saret realtá. 

Bħalissa qed nilgħab mal-Mercurius Berhem Basketball Club. Din l-esperjenza qiegħda tgħini mill-perspettiva tal-basketball sabiex nesperjenza dan l-isport fuq livell internazzjonali. 

Irrid inħeġġeġ lil players oħra biex jippruvaw jesperjenzaw l-logħba tal-basketball barra minn xtutna għaliex bla ebda dubju hija esperjenza li tibqa’ tiftakarha għal ħajtek kollha.

X’kienu l-esperjenzi li kellek sa issa mat-team naz­zjonali tal-basketball?

Jien tlajt nirrappreżenta lil Malta f’kompetizzjoni­jiet tal-FIBA erba’ darbiet.

L-ewwel darbtejn kienu ta’ Taħt is-16-il sena u d- darbtejn l-oħra Taħt it-18-il sena. 

Għandi l-unur ngħid li kull darba li tlajt nirrappreżenta lil Malta dejjem tlajna fuq il-podju. Fl-ewwel sena li tlajt, fl-2016, irbaħna l-bronż u fit-tliet darbiet ta’ wara rbaħna l-fidda.

Dawn l-aħħar erba’ snin li tlajt nirrappreżenta lil Malta kienu esperjenzi li ma nibdilhom ma’ xejn.

It-tieni sena li tlajt man- nazzjonal, fl-2017, kif ukoll l-aħħar sena li tlajt, fl-2019, jibqgħu żewġ esperjenżi li ma ninsihom qatt. 

F’dawn is-sentejn ġejt magħzula bħala All Star Five. Dan huwa unur kbir għalija, għaliex irnexxieli nikseb dan l-unur fost ħafna players minn pajjiżi differenti. 

Bla dubju jien ma stajtx nikseb dan l-unur min­għajr il-fiduċja li wera fija l-coach tat-team nazzjonali, Sandro Farrugia, il-coach tal-club tiegħi, David Boudot, kif ukoll il-ġenituri tiegħi. Bla dubju kull esperjenza nib­qa’ ngħożżha sal-lum il- ġurnata.  

X’tikkummenta fuq il Malta Basketball Association mmexxija mill-president Pawlu Sultana?

Bla dubju, ma nista’ ngħid xejn ħlief infaħħar u nirringrazzja lill-president tal-MBA, Pawlu Sultana, kif ukoll is-segratarju ġenerali Joseph Muscat u lil kull minn jifforma parti mill-kumitat. 

Irrid nirringrazzjahom tal-ħin li jiddedikaw għalina ż-żgħażagħ sabiex itejbu l-livell tal-basketball f’Malta. 

X’tikkummenta fuq ir- riżorsi u l-court il-ġdid fil-padiljun f’Ta Qali speċjalment meta mqabbla ma’ dawk li tilagħbu fihom barra minn Malta mat-tim nazzjonali?

Bla ebda dubju, huwa court li jħabbatha ma’ ta’ barra minn xuxtna. 

Kemm taħseb li l-media f’Malta tagħti biżżejjed pubbliċità lill-basketball?

Sfortunatament inħoss li għandi ngħid li l-basketball ma jingħatax l-pubbliċitá li jingħataw sports oħra. 

Grazzi għal programm 3 pointer li jaġġorna l-isport li jkun seħħ matul tmiem il-ġimgħa, il-basketball ikollu dan il-mod ta’ pubbliċitá, imma barra minn hekk inħoss li ma tantx jingħata importanza għal- livell għoli li nagħtu għal pajjiżna. 

Taħseb li għad jiġi żmien f’Malta meta player tal- basketball kemm fil-kamp maskili kif ukoll f’dak femminili jkun jista’ jgħix esklussivament permezz tal-basketball?

Nistqarr li forsi fil-futur dan huwa possibbli li jsir, imma għal issa qed naraha kemm xejn diffiċli, kemm għal kamp maskili kuf ukoll għal kamp femminili. 

Sfortunatament inħoss li l-awtoritajiet għandhom jirrikonoxxu aktar dak kollu li jsir, kemm fuq l-court kif ukoll wara l-kwinti. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball?

Nixtieq li bħala player nibqa’ nittrenja sabiex inkun nista’ nilħaq il-potenzjal tiegħi. 

Barra minn hekk nixtieq li dak kollu li ilni nitgħallem matul dawn is-snin inkun nista’ nittrasmettih lill-players żgħar li telgħin. 

Bħala player ta’ daqstant suċċess fil-basketball lokali, tista’ tgħaddi messaġġ lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera fil-basketball?

Nixtieq naqsam ma’ dawk iż-żagħżagħ, li dan huwa sport verament sabiħ u għalija personali huwa sport li xejn ma jagħtik sodisfazzjon daqsu. 

Importanti li ma jaqtgħu qalbhom qatt, għaliex bħal kollox fil-ħajja se jiġu mumenti fejn tkun tixtieq taqta’ qalbek. 

L-importanti huwa li jsibu bilanċ bejn l-ħajja u l-isport, u bla dubju li l-basketball isir parti sabiħa minn ħajjithom. 

Ekonomija

Sport