Thursday, December 26, 2024

Miċħuda għal darb’oħra t-talba ta’ Roderick Cassar għall-ħelsien mill-arrest

Aqra wkoll

Roderick Cassar mill-ġdid kellu t-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Imħallef Edwian Grima.

Cassar jinsab mixli bil-qtil ta’ martu Bernice liema delitt seħħ fit-22 ta’ Novembru tas-sena li għaddiet. Dan id-delitt kien ħasad lill-pajjiż kollu hekk kif minbarra li allegatament kien delitt marbut ma’ vjolenza domestika seħħ f’nofs ta’ triq fl-inħawi ta’ Kordin.

Din mhix l-ewwel darba li Cassar kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda hekk kif f’Mejju li għadda u anki iktar kmieni dan ix-xahar stess, il-Qorti Kriminali, dakinhar ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, f’digriet kienet ukoll ċaħdet din it-talba.

L-Imħallef Edwian Grima qalet li mill-aħħar talba ‘l hawn, iċ-ċirkustanzi baqgħu dawk li kienu hekk kif l-akkużat mhux qed joffri garanziji biex ikun jista’ jingħata l-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti qalet li minkejja li issa ilu kważi sena arrestat u miżmum il-ħabs, Cassar għadu maħkum mill-istess problemi emottivi; l-istess problemi li kellu meta ġie arrestat.

Qabel ma ngħatat din id-deċiżjoni, il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ key worker li qed issegwi lill-akkużat fil-ħabs. Qalet li fil-ħabs hemm programm biex jgħinu jegħleb id-diffikultajiet li qed jiffaċċja. Hija xehdet li Cassar għadu qed ibati mill-ansjetà u għadu magħluq fih innifsu, maħkum mill-ħsibijiet – għalkemm mhux b’mod sever – sa minn meta rifes l-għatba tal-ħabs.

Qalet ukoll li qed tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li tingħata xi mediċina lil Cassar sabiex tgħinu joħroġ minn dawn il-problemi, liema evalwazzjoni għandha ssir minn psikologu u li għaldaqstant hemm il-ħsieb li Cassar jiġi referut għand professjonist.

L-Imħallef, wara li semgħet il-partijiet kollha, qalet li jidher ċar li minħabba l-gravità tar-reat li wettaq hija tal-fehma li bħalissa mhux qed joffri serħan il-moħħ li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest ma jwettaqx xi att kriminali ieħor jew inkella li jikser l-ordni ta’ protezzjoni u l-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.

Il-Qorti qalet li f’sitwazzjonijiet bħal dawn, meta tiġi biex tikkunsidra talbiet għall-ħelsien mill-arrest, tingħata prijorità lill-interessi u s-sigurtà tal-ulied u l-familjari tal-vittma, kif ukoll tas-soċjetà. Għaldaqstant, sabiex dan ikun assigurat, Cassar ma setax jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Għall-akkużat qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Arthur Azzopardi u Jacob Magri.

L-Avukati Marita Pace Dimech u Ann Marie Cutajar qegħdin jidhru parte-civile għall-familja ta’ Bernice.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Darlene Grima, Angele Vella u Anthony Vella.

Ekonomija

Sport