Friday, December 27, 2024

Miċħuda l-eċċezzjonijiet ta’ qabel il-ġuri tal-aħwa Degiorgio ħlief għal waħda

Aqra wkoll

L-aħwa George u Alfred Degiorgio, li jinsabu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kellhom l-eċċezzjonijiet preliminari ta’ qabel il-ġuri miċħuda għajr għal waħda li ġiet parzjalment milqugħa fl-appell. 

L-aħwa Degiorgio kienu appellaw minn deċiżjoni mogħtija mill-Imħallef Edwina Grima f’Ottubru li għadda li ċaħdet ‘il fuq minn 100 talba mressqa mill-Avukat Difensur William Cuschieri. 

F’sentenza ta’ 209 paġni, il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Joseph R. Micallef u Giovanni M. Grixti, għal darb’oħra ċaħdet l-eċċezzjonijiet tal-aħwa Degiorgio ħlief għal argument dwar xhieda mogħtija mis-Supretendent Keith Arnaud. 

L-akkużati kienu oġġezzjonaw għal dik il-parti tax-xhieda ta’ Arnaud li kienet tirreferi għal informazzjoni miksuba permezz ta’ interċettazzjonijiet bit-telefon imwettqa mis-servizzi tas-sigurtà.

Meta xehed fil-kumpilazzjoni, Arnaud kien irrefera għal dik l-informazzjoni mingħajr ma esebixxa l-mandat li jawtorizza l-‘phone taps’ relattivi kif ukoll ir-recordings u t-traskrizzjonijiet tagħhom. Arnaud kien identifika l-persuna f’dawk it-telefonati interċettati bħala George Degiorgio.

L-oġġezzjoni tal-aħwa Degiorgio għal dik ir-referenza ġiet milqugħa u l-Qorti ordnat it-tneħħija ta’ dik il-parti tax-xhieda ta’ Arnaud mir-rekords tal-każ. L-ebda referenza għal tali informazzjoni ma għandha ssir mill-uffiċjal tal-pulizija meta jixhed fil-ġuri.

Il-kumplament tas-sentenza ġiet ikkonfermata fl-appell. 

Ekonomija

Sport