Thursday, March 28, 2024

Clint Eastwood lura għal western

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Għat-tielet ġimgħa konsekuttiva, “Shang-Chi and the legend of the Ten Rings” baqa’ l-film li ġibed nies l-aktar fil-box office Amerikana.  Fl-istess waqt, il-film il-ġdid ta’ Clint Eastwood, il-western “Cry Macho” u t-thriller ġdid ta’ Gerard Butler, “Copshop” sabiha diffiċli li jiġbdu udhenzi numerużi.

“Cry Macho” spiċċa biex tela’ fit-tielet post b’dħul ta’ $4.5 miljun biss fl-ewwel tlitt ijiem, li hi ċifra ferm anqas minn dak mistennija.  89% tal-biljetti ġew mibjugħa lil nies ta’ ’l fuq minn 35 sena, ndikazzjoni li Clint Eastwood jappella għall-udjenza li rat lil dan l-attur u direttur ta’ 91 sena meta kien fl-aqwa tiegħu.  “Cry Macho” li sewa $33 miljun biex inħadem kien disponibbli wkoll fuq HBO Max minbarra fit-teatri.

“Copshop” mar ferm agħar għax spiċċa fis-6 post tal-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa b’dħul ta’ $2.3 miljun.

Fit-tieni, fir-raba’ u fil-ħames post tal-box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa wieħed isib ripettivemanet: “Free Guy”, “Candyman” u “Malignant”.

Cry Macho

Ta’ 91 sena, iż-żmien donnu baqa’ ma jillimitax il-ħila straordinarja li għad għandu Clint Eastwood bħala direttur.  Bħala attur, Eastwood hu konxju mill-limitazzjonijiet u ma jaħbix l-età li għandu.

Fil-western ”Cry Macho”, Clint Eastwood għandu l-parti ta’  Mike, wieħed li jkun divorzjat u jħobb il-qatra.  Meta kien iżgħar, huwa kien rodeo cowboy ta’ ħila kbira.  Darba, waqt li kien xogħol, jaqa’ minn fuq żiemel, jikser saqajh u jispiċċa l-isptar.  Meta joħroġ mill-isptar, Mike isib li l-imgħallem tiegħu Howard Polk jimpjega ieħor minfloku.

Imnikket li tkeċċa mix-xogħol li kien jagħmel u għall-aħbar li ex-martu reġgħet iżżewġet, Mike jibda jbiegħ kull trofew li kien rebaħ fil-passat u li tant ikun kburi bihom.  Imma wara ftit ġimgħat, Howard Polk reġa’ jitfaċċa, mhux biex jagħtih l-impjieg li darba kellu, imma biex jaħtaf lill-ibnu li mart Howard Polk kienet ħadet lejn il-Messiku wara li ddivorzjaw.  Polk joffri $50,000 lil Mike jekk iġiblu lit-tifel ta’ 13-il sena Rafo.  

Kif wieħed jistenna, Clint Eastwood hu attenta ħafna fil-movimenti tiegħu.  Jitkellem b’ċertu lajma. Imma xorta effettiv għax kull kelma li jlissen għandha ċerta saħħa.  żil-preżenza tiegħu tibqa’ dominanti f’kull frame li jidher fih.

“Cry Macho” (Warner Bros.) hu ispirat minn rumanz ta’ N. Richard Nash li kien ippubblikat fl-1975. Mhuwiex nieqes mill-avventura.  Rafo ma jkunx qed jgħix ma’ ommu li kienet sinjura.  Mike jisfa’ misruq.  Hemm ukoll pulizija jiġru warajhom kif ukoll dak il-mument fejn Mike jiltaqa’ ma’ armla u jsir intimu magħha.

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat 12A (persuni taħt it-12-il sena) għandhom ikunu akkumpanjati minn adult għax fih kliem mhux xieraq u kultant it-tema titlob gwida.

Copshop

“Copshop” hu thriller fejn id-direttur Joe Carnham mhux ċert minnu nnifsu fejn irid jieħu l-film: jiffoka fuq il-karattri li huma midħla tad-dinja kriminali jew thriller fejn itfa’ kemm tiflaħ xeni ta’ azzjoni?

In-narrattiva kważi kollha isseħħ f’għassa tal-pulizija li aktar tixbaħ xi uffiċċini ta’ kumpanija kbira.  Il-qofol tal-azzjoni tiżviluppa fil-parti fejn hemm żewġ ċellel kbar.  F’waħda hemm Teddy Murretto (Frank Grillo).  Teddy hu dak li jissejjaħ criminal fixer – wieħed li jara li jnaddaf kull traċċa ta’ evidenza wara li jkun sar xi qtil jew att ieħor kriminali.  Teddy kien laħaq ftehim mal-FBI biex jagħtihom informazzjoni u ma jipproċedux kontrih.

Fiċ-ċella faċċata, hemm miżmum Bob Viddick (Gerard Butler) li hu l-mibgħut tal-mafja biex joqtol lil Teddy.  It-tnejn li huma ħolqu ċirkustanzi apposta biex jisfaw arrestati.

Is-sitwazzjoni tikkomplika ruħha meta jitfaċċa l-qattiel psikotiku Anthony Lamb (Toby Huss) li jagħmel ħerba minn din l-għassa, bil-pulizija Valerie Young (Valerie Louder) tinqabad f’noshom.

“Copshop” (STX International) għandu ftit mumenti ’l hemm u ’l hawn li permezz tagħhom ma tasalx li tarmih.  

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat 15 (persuni għal fuq minn 15-il sena) għax fih kliem mhux xieraq u diversi xeni ta’ ġlied u vjolenza mdemmija.

Ekonomija

Sport