Thursday, March 28, 2024

ID-DIPLOMAZIJA MALTIJA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Qabel jasal is-sittin anniversarju tal-Indipendenza, tkun ħaġa tajba li tiġi kkummissjonata storja tad-diplomazija Maltija matul dawn is-snin kollha. Trid tkopri l-għażliet politiċi l-kbar dwar l-affarijiet barranin u kif żviluppaw fi ħdan il-forzi politiċi differenti u fis-sehem li taw forzi ħierġa minn dik li sirna nsejħulha s-soċjetà ċivili. 

Tkun trid tkopri kif inbena, żżarma u tħaddem l-apparat burokratiku li wettaq id-diplomazija Maltija – inkluż kif dan l-apparat tgħallem jaddatta t-teknika diplomatika għall-ħteġiet tal-pajjiż. Ukoll, tkun trid tanalizza kif pajjiżi oħra laqgħu l-pożizzjonjiet diplomatiċi Maltin: fejn u kif inkisbu rebħiet u xxenxlu d-disfatti.

Storja bħal din tkun ta’ interess nazzjonali: sakemm tinkiteb, kif jixirqilha, b’rispett lejn il-fatti “kollha” bi stħarriġ li jkun akkademikament validu. Il-mudell li bilfors jissemma hawn hu dak tal-istorja miktuba mill-Professur Joe Pirotta dwar is-snin li wasslu għall-Indipendenza. Tista’ bħali ma taqbilx dejjem mal-perspettiva ta’ Pirotta, imma bla dubju, l-istorja tiegħu tibqa’ imprezzabbli.

RAPPORT TAL-IMF

L-aħħar rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali dwar il-qagħda tal-finanzi u l-ekonomija Maltija li sar taħt dak li jissejjaħ “Article IV consultation” ma jgħidx affarijiet ġodda dwar kif żviluppat l-ekonomija Maltija fl-aħħar snin – l-isfidi li kellha taffaċċja u l-problemi li jinsabu quddiemha.

  Forsi dak hu l-aktar aspett importanti li joħroġ mir-rapport: il-kunsens li donnu jeżisti dwar kif l-ekonomija Maltija rnexxielha b’suċċess tibqa’ għaddejja minkejja d-daqqiet (li bħall-ekonomiji ta’ pajjiżi oħra) qalgħet minħabba l-pandemija; u dwar kif issa jeħtieġ li ż-żieda fid-djun tal-istat jiġi kkontrollati waqt li jirpiljaw is-setturi tal-ekonomija bħat-turiżmu li qalgħu l-agħar taptipa.  

NUKLEARI

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar inħossni suspettuż dwar l-ambigwitajiet f’kif jitħaddem ir-reġim internazzjonali li jirregola l-enerġija nukleari, speċjalment fejn din tmiss ma’ oqsma militari.

Hemm furja qawwija kontra l-Iran għax veru jew le, jintqal li qed jiżviluppa armi nukleari. Xejn ma jogħġobni kif jitmexxa l-Iran. Imma jeżistu stendards doppji fil-mod kif l-Iran jiġi ċċensurat fuq dil-ħaġa?  Perezempju, Iżrael, il-Pakistan u l-Indja żviluppaw jew le kapaċità militari fin-nukleari? Hawn, tisma’ ta’ spiss repetizzjoni tal-istqarrija li dawn il-pajjiżi jiċħdu konsistentement li dan hu minnu – mingħajr ma jaċċettaw spezzjonijiet stretti tal-faċilitajiet kollha li jista’ għandhom: eżatt il-pożizzjoni tal-Iran.

Imbagħad tqum il-kwistjoni tal-ftehim riċenti biex l-Istati Uniti jfornu lill-Awstralja b’sottomarini li jaħdmu b’enerġija nukleari. Hemm xi ħaġa li ma tinħassx sew f’dil-biċċa. Sa fejn naf jien, l-Awstralja mhux wieħed mill-pajjiżi li għandu d-dritt li jiżviluppa kapabilità militari fin-nukleari. 

Anke kif dan id-dritt inkiseb minn dawk li jipposeduh hu materja pjuttost stramba!

Ekonomija

Sport